Monday, December 9, 2024

Adam Magri Overend jingħaqad ma’ Sliema Wanderers

Aqra wkoll

Sliema Wanderers ħabbru l-firma tad-difensur internazzjonali Malti Adam Magri Overend.

Id-difensur ta’ 24 sena kien free agent wara li ddeċieda li ma jġeddedx il-kuntratt mal-eks klabb tiegħu, Floriana.

Magri Overend ilu jiġbed l-interess ta’ diversi klabbs fl-aħħar ġimgħat iżda l-Wanderers kienu ħerqana ħafna għall-firma tiegħu u wara taħditiet twal bejn iż-żewġ partijiet instab ftehim u t-trasferiment ġie ssiġillat l-Erbgħa filgħodu.

Id-difensur żagħżugħ ingħaqad mal-Wanderers wara perjodu ta’ tliet snin ma’ Floriana FC.

Matul il-perjodu tiegħu mal-Greens, Magri Overend kellu rwol ewlieni biex jgħin lil Floriana jirbħu l-FA Trophy tal-2022 u ġie vvutat ukoll bħala l-Plejer Żagħżugħ tas-Sena fl-istess sena.

L-istaġun li għadda, Magri Overend naqas milli jassigura futbol regolari fil-Floriana. Madankollu, wara li rritorna minn injury f’April xorta rnexxielu jagħti s-sehem tiegħu biex jgħin lil Floriana tard fl-istaġun waqt l-isfida tagħhom għat-titlu fil-Premier League u l-FA Trophy, fejn it-tim wasal sal-finali.

“Wara konsiderazzjoni bir-reqqa ta’ numru żgħir ta’ għażliet tajbin ħafna f’idejja, li jiena napprezzhom, għamilt l-għażla tiegħi li ningħaqad ma’ Sliema Wanderes

“Diġà ninsab eċċitat li nibda t-taħriġ ma’ sħabi l-ġodda u l-kowċ Paul Zammit u t-tim tekniku … għandi ħafna x’nuri!”

Magri Overend issa jittama li jerġa’ jirritorna fl-azzjoni b’mod regoalri ma’ Sliema Wanderers fejn se jkun qed jaħdem taħt il-gwida ta’ Paul Zammit.

Magri Overend huwa t-tieni plejer internazzjonali Malti li ngħaqad mal-Wanderers wara li aktar kmieni dan ix-xahar, il-Blues ffirmaw lil Cain Attard.

Dan is-sit għamel kuntatt ma’ Adam Magri Overend innifsu fejn tana iktar dettalji rigward kif qed iħares lejn dan it-trasferiment mal-Wanderers. Fi kliemu: “Insellem lil Floriana FC wara tliet staġuni ta’ suċċess. Wara li għamilt id-debutt sħiħ fil-Kampjonat Premier matul iż-żewġ staġuni tiegħi ma’ Sta. Lucia FC, kont kuntent li kelli sehem importanti fl-istaġun tar-rebħ tal-FA Trophy tal-Floriana fl-istaġun 2021-22, li kien segwit bl-unur tal-aqwa futboler żagħżugħ tas-sena tal-MFA fl-2022.”

“Kont ukoll ir-runner up tal-Kampjonat Premier f’żewġ staġuni ma’ Floriana, fl-istaġun 2021-22 meta rebħu l-kampjonat, Hibernians, u fl-istaġun li għadda 2023-24 meta trijonfaw Hamrun Spartans. Matulhom, iddebuttajt ukoll fit-tim nazzjonali tiegħi, wara li ġejt promoss mill-U21s.”

“Nixtieq insemmi u sinċerament nirringrazzja lill-partitarji ta’ Floriana, li magħhom ħloqt rabta u li ssapportajawni bis-sħiħ matul l-esperjenza tiegħi mal-Greens.

Ekonomija

Sport