Wednesday, April 17, 2024

Adrian Delia jisħaq fuq aktar informazzjoni dwar it-tilqim

Aqra wkoll

Id-Deputat Nazzjonalista Adrian Delia tkellem fil-Parlament dwar il-bżonn ta’ aktar informazzjoni speċjalment f’dak li jirrigwardja t-tilqim kontra l-Covid-19.

Huwa għamel referenza għal video partikolari li kien relatat mal-vaċċin u li fih jidhru t-tfal fejn saħaq li ma nistgħux bħala pajjiż nużaw lit-tfal biex inwasslu dawn it-tip ta’ messaġġi.

Qal li l-kwistjoni tal-informazzjoni, l-edukazzjoni u t-tagħrif hi fundamentali. Qal li sfortunatament fuq il-mezzi soċjali jkun hemm ħafna miżinformazzjoni, estremiżmi… ikun hemm ħafna veritajiet xjentifiċi u kkonfortati bil-mediċina u studji li mbagħad jiġu mitfija f’valanga ta’ estremiżmi, ta’ opinjonijiet li ma jkunux imsejsa fuq veritajiet. ‘Bħalissa l-pajjiż ukoll għaddej min din il-fażi,” qal Delia.

Kien hawn fejn staqsa: “M’għandniex nagħtu aktar enfasi li l-informazzjoni li jkollna tkun tajba? M’għandux dritt iċ-ċittadin li jkun infurmat? M’għandux dritt iċ-ċittadin li jkollu l-għażla? M’għandux dritt iċ-ċittadin li qabel ikun suġġettat għall-interventi mandatorji bħalma huma l-vaċċini, boosters, dawk li hawn u jridu jsegwu, għall-inqas għat-tagħlim/għat-tagħrif?”

Delia kompla jgħid li: “jekk xi ħadd ikun qed jieħu mediċina sempliċi hemm valanga ta’ kontra-indikazzjonijiet. Anke jekk tieħu paracetamol hemm volum ta’ informazzjoni li inti tkun taf biha qabel ma tagħmel id-deċiżjoni flimkien mal-konsulenza medika tiegħi biex id-deċiżjoni li tieħu tkun infurmata. 

“F’dan il-każ ma sarx. Anzi sfortunatament kellna ħafna miżinformazzjoni. Mhux qed ngħid hekk għax b’xi mod qed nimmilita favur jew kontra t-teħid ta’ vaċċini jew boosters. Imma li jkun hemm fil-bażi l-informazzjoni li tkun appoġġjata bix-xjenza. Il-politika għandha tkun pass lura mix-xjenza.

“Illum il-ġurnata ma jistgħux jibqgħu jittieħdu deċiżjonijiet għalina bbażati fuq il-biża’ jew fuq il-konvenjenza politika imma fuq l-informazzjoni. Informazzjoni li jkollha l-bażi tagħha fix-xjenza. Hawn jidħlu wkoll id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-bniedem,” tenna Dr Delia filwaqt li saħaq li l-informazzjoni għandha tkun hi biss it-tagħrif li jiddetta d-deċiżjonijiet li jittieħdu.

Ekonomija

Sport