Friday, November 22, 2024

AFCON: Mancini jitlob apoloġija wara li għeb waqt l-għoti tal-aħħar penalty kontra s-Sawdi

Aqra wkoll

Roberto Mancini qal li “ma ried jonqos mir-rispett lil ħadd” billi għeb fil-tunnel qabel ma l-Korea t’Isfel taw il-penalty li elimina lit-team tiegħu tal-Arabja Sawdija mit-Tazza tal-Asja nhar it-Tlieta.

Mancini mar lura lejn id-dressing room, fl-Education City Stadium tal-belt ta’ Doha, wara li Abdulrahman Ghareeb falla t-tieni penalty Sawdi u ta match point lill-Korea t’Isfel.

L-attakkant ta’ Wolverhampton Wanderers, Hwang Hee-chan, skorjah biex bagħat lill-Koreani fil-kwarti-finali kontra l-Awstralja, u tefa’ lit-team ta’ Mancini bara mill-Aħħar 16.

“Niskuża ruħi, ħsibt li kienet spiċċat,” qal it-Taljan dwar il-ħruġ bikri tiegħu.

“Ma ridt niddiżrispetta lil ħadd,” żied Mancini, li rebaħ il-Kampjonat Ewropew mal-Italja fl-2021.

“Irrid ngħid grazzi lill-players tiegħi kol­lha għal dak li għamlu. Qed jitjiebu ħafna.”

Il-goalkeeper tat-tieni għażla, Jo Hye­on-woo, kien l-eroj tal-Korea t’Isfel fix- shoot-out, salva wkoll fuq Sami Al-Najei biex ta rebħa lit-team tiegħu ta’ 4-2 bil-pe­nalties, wara draw ta’ 1-1 fi tmiem il-ħin barrani.

Cho Gue-sung kiseb id-draw fid-99 minuta fil-ħin normali biex sforza l-ħin barrani, wara li Abdullah Radif kien fetaħ l-iskor għas-Sawdis 33 sekonda wara li daħal bħala sostitut fil-mistrieħ.

Il-clubs tal-Pro League Saudi ħarġu biex jattiraw players ta’ isem kbir filwaqt li l-Arabja Sawdija se tospita t-Tazza tad-Dinja tal-2034, kollha parti minn mossa usa’ lejn l-isport globali.

Mancini ngħata l-kariga ta’ coach tal- Arabja Sawdija f’Awwissu li għadda, iżda ma setax imexxihom għall-ewwel Tazza tal-Asja li kienu rebħu fl-1996.

“Jien kuntent ħafna hawn … iżda jien mdejjaq ħafna b’din it-telfa,” huwa qal.

“Ninsab kuntent ħafna għax tjiebna ħafna. Ħdimna xahar flimkien u dan kien tassew importanti.

“Issa aħna team. Huwa ċar li rridu nkomplu ntejbu fuq dak li diġá bnejna.”

Sport