Saturday, May 4, 2024

Aġenzija Sapport tippreżenta l-pjan strateġiku ta’ operat għas-snin 2022 – 2026

Aqra wkoll

Aġenzija Sapport ippreżentat il-pjan strateġiku ta’ operat għas-snin 2022 – 2026. Dan sar illum waqt laqgħa ma’ rappreżentanti minnn diversi msieħba soċjali oħra inkluż il-Kummissarju għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità, rappreżentanti mill-Uffiċċju tad-Diżabilità fi ħdan il-Ministeru għall-Inklużjoni, ilKwalità tal-Ħajja u l-Volontarjat, diversi organizzazzjonijet mhux governattivi, assoċċjazzjonijiet, kif ukoll entitajiet oħra mill-qasam soċjali. 

Dan il-pjan strateġiku tħejja wara studju mal-pubbliku dwar x’jaf dwar u x’jistenna mill-Aġenzija wara ħames snin ta’ operat bħala aġenzija awtonoma, kif ukoll wara analiżi u awditjar intern fuq is-servizzi, riżorsi u t-tmexxija tagħhom. 

Dan il-pjan hu mifrux fuq medda ta’ ħames snin u hu maqsum fuq erba’ pilastri prinċipali: servizzi, funzjonijiet ta’ sostenn fi ħdan l-Aġenzija, governanza u kontabilità, kif ukoll preżenza u viżibilità fuq livelli nazzjonali u internazzjonali. Dawn l-erba’ pilastri jissarfu fi 13-il objettiv, kull wieħed minnhom b’numru ta’ azzjonijiet, total ta’ 65 azzjoni, marbuta li jiġu implimentati fuq żmien stipulat. 

L-enfasi tal-pjan strateġiku hu li jagħti direzzjoni lill-Aġenzija fil-provvediment ta’ servizzi skont listandards, u żvilupp ta’ servizzi effiċjenti, sostenibbli u aċċessibbli bbażati fuq riċerka u evidenza. Dan waqt li l-Aġenzija tinkludi lill-imsieħba kollha, inkluż il-klijenti tagħha, tul il-proċess kollu. 

Dawn l-azzjonijiet huma kollha immirati li jwasslu sabiex l-Aġenzija tilħaq il-viżjoni tagħha, dik li tibqa’ fuq quddiem fil-provvediment ta’ servizzi lil persuni b’diżabilità u l-familjari tagħhom, twassal għal titjib u bidliet, tkompli tgħin sabiex ikomplu jitneħħew l-ostakli u żżid l-inklużjoni ta’ persuni b’diżabilità, kif ukoll li tippromwovi l-abilità u mhux id-diżabilità tal-persuna. 

Waqt il-preżentazzjoni ta’ dan il-pjan strateġiku, il-Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Sapport is-Sinjura Ruth Rose Sciberras fil-preżenza tad-Diretturi tal-Aġenzija, saħqet li l-impenn ta’ Aġenzija Sapport hu li tibqa’ aġenzija aġli u dinamika, sabiex timxi mat-tibdil u l-iżviluppi soċjo-ekonomiċi f’Malta u tilħaq il-bżonnijiet tal-klijenti tagħha. Is-Sinjura Sciberras preżentat ukoll il-missjoni aġġornata tal-Aġenzija, dik li toffri servizzi professjonali u innovattivi li jtejbu l-kwalità ta’ ħajja ta’ persuni b’diżabilità. Dan waqt li tħares ’il quddiem sabiex tara li dawn l-azzjonijiet jiġu implimentati filwaqt li jitħaddnu l-valuri tal-Aġenzija, li huma integrità, rispett, ekwità, empatija u ko-produzzjoni. 

Dan l-pjan strateġiku hu mibni fuq l-Istrateġija Nazzjonali dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u lIstrateġija għas-Servizz Pubbliku. Kopja tar-rapport tal-pjan strateġiku ta’ operat tinsab fis-sit uffiċjali ta’ Aġenzija Sapport www.sapport.gov.mt. Aġenzija Sapport hi l-aġenzija nazzjonali li toffri servizzi lil persuni b’diżabilità u lill-familjari tagħhom. 

Aktar informazzjoni dwar l-Aġenzija u s-servizzi li toffri tinkiseb minn: 

  • Sapport Helpline – Freephone 153 (u agħfas 5)  
  • Sit elettroniku www.sapport.gov.mt 
  • Midja soċjali

Sport