Saturday, December 21, 2024

Aġġornament fil-liġijiet tax-xogħol… uħud minnhom wara 70 sena

Aqra wkoll

“Għall-ewwel darba f’aktar minn 70 sena kemm ilha teżisti s-sistema tal-Wage Regulation Orders (WRO), numru ta’ liġijiet tax-xogħol se jibdew jiġu aġġornati. Dan l-eżerċizzju jolqot ‘il fuq minn 60 liġi biex numru ta’ ħaddiema minn setturi differenti jingħataw benefiċċji li sal-lum ma kinux igawdu minnhom.”

Ħabbar dan is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Dr Andy Ellul f’konferenza tal-aħbarijiet fejn ta dettalji dwar ir-riforma li nbdiet fil-WRO, liġijiet li jirregolaw il-kundizzjonijiet tal-impjiegi f’diversi setturi tax-xogħol. 

Huwa beda biex qal li s-sena li għaddiet tħabbar li kienu se jibdew iħarsu b’mod ħolistiku lejn is-sistema ta’ dawn il-liġijiet tax-xogħol fejn kien inħatar Kumitat Tekniku biex jibda jagħmel analiżi dettaljata ta’ dawn il-liġijiet. Dawn l-istess liġijiet ġew analizzati bir-reqqa biex issa nistgħu ngħaddu għat-tieni tal-ħidma f’din ir-riforma. 

Dr Ellul fisser l-impenn politiku ta’ dan il-Gvern li jaġġorna b’mod organizzat dawn il-liġijiet bil-għan li l-kwalità tal-ħajja togħla u titjieb għal kulħadd. Spjega li għall-ewwel darba fil-qasam tal-liġi industrijali se jinħoloq qafas permanenti sabiex fi kliemu “mhux nieqfu wara li nkunu għamilna t-tibdil neċesasarju fl-immedjat imma jkollna  aġġornament kontinwu ta’ dawn il-liġijiet.” 

Huwa għamilha ċara li mhux se jkunu qed jonqsu jew jitneħħew xi drittijiet, anzi se jkunu qegħdin iżidu fejn hemm in-nieqes. Kien hawn fejn ħabbar li sabiex ikun aċċertat li dawn l-aġġornamenti jkunu kontinwi, se jieħdu r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat Tekniku u jitwaqqaf ‘Working Committee’ b’mod permanenti sabiex dan ikun jista’ jkompli jaħdem fuq dawn il-liġijiet.

“Dan huwa pass kuraġġuż li qatt ma sar fil-qasam tal-liġi industrijali. Dan huwa l-impenn veru biex toħloq il-bidla. Fost l-oħrajn, ix-xogħol tal-Kumitat se jkun li jipproponi l-aħjar mod kif dawn il-liġijiet għandhom jiġu aġġornati b’mod kontinwu b’dan illi nibdew l-ewwel noħolqu uniformità speċjalment fejn jidħlu l-ġranet imsemmija fil-liġijiet fosthom ġranet meta ħaddiem ikun intitolat jieħu sick leave, leave tiegħu, leave f’każ ta’ mewt jew żwieġ,” huwa żied jispjega.

Is-Segretarju Parlamentari Ellul spjega wkoll li kull rakkomandazzjoni ser tkun diskussa mal-imsieħba soċjali fl-Employment Relations Board qabel ma jkun hemm xi forma ta’ implimentazzjoni, u dan biex jiġi żgurat li kull deċiżjoni ssir bi ftehim mal-imsieħba soċjali.

Ekonomija

Sport