Monday, December 9, 2024

Il-Prim Ministru jgħid li l-apoloġija tal-Ministru Bartolo hi “suffiċjenti” 

… jikkummenta dwar l-ingaġġ ta’ Amanda Muscat fil-Ministeru ta’ Għawdex

Aqra wkoll

F’kummenti li ta lill-midja, il-Prim Ministru Robert Abela tkellem dwar il-pubblikazzjoni ta’ rapport mill-Kummissarju tal-Istandards fil-Ħajja Pubblika dwar l-ingaġġ ta’ Amanda Muscat, mart il-Ministru Clayton Bartolo, fil-Ministeru ta’ Għawdex aktar minn tliet snin ilu.

Il-Prim Ministru beda biex qal li l-persuna inkwistjoni ilha ma taħdem mal-Gvern għal aktar minn tliet snin. Qal li dan kien impjieg li dam biss ftit xhur u aktar importanti minn hekk huwa li l-persuna inkwistjoni ħadmet. 

“Jiġifieri hawnhekk mhux qed nitkellmu kif allegat fil-kwerela ta’ Repubblika dwar xi ‘phantom job’. Il-Kummissarju għall-Istandards eskludieh kompletament, anzi jikkonferma kemm il-persuna inkwistjoni ħadmet. L-unika kwistjoni li l-Kummissarju sab li kien hemm nuqqas dwarha kienet jekk il-persuna inkwistjoni kinitx qed twettaq funzjonijiet fuq il-post tax-xogħol li kienu jikkombaċjaw mat-titolu tal-kariga li kellha. Dawk huma l-fatti, fatti bl-aktar mod oġġettiv, joħorġu mir-rappport tant li l-istess Kummissarju li kieku ħass li kien hemm nuqqas ta’ natura kriminali, kellu fakultà li jirreferi dan il-każ lil awtoritajiet oħra fosthom lill-Kummissarju tal-Pulizija,  xi ħaġa li m’għamilhiex,” kompla jispjega l-Prim Ministru.

Huwa qal li l-fażi li jmiss hija jekk il-Kumitat Permanenti għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika huwiex se jadotta dak ir-rapport jew le. “Jekk il-Kumitat se jadotta r-rapport, imbagħad irid jistabbilixxi x’tip ta’ sanzjoni jagħti – ċanfira jew twiddiba.” 

Dr Abela qal li huwa ra r-rapport u anke l-apoloġija li saret mill-Ministru Clayton Bartolo li fil-fehma tiegħu kienet “suffiċjenti” fiċ-ċirkostanzi kollha tal-każ, inkluż fil-kuntest li ma kien hemm l-ebda ksur tal-manwal tal-proċedura. 

Il-Prim Ministru kkummenta wkoll dwar il-kwerela li saret mill-Għaqda Repubblika li fi kliemu timplika affarijiet li r-rapport jeskludihom. “Tara l-aggressività, it-ton ta’ mibegħda li hemm fil-kwerela li l-PN qed jipprova juża b’mod strateġiku biex jipprova jkisser fuq livell personali lill-Ministri ta’ dan il-Gvern.

“Għalija dawn it-tattiċi indimidatorji mhumiex permessibbli. Il-politika hi għodda biex tagħmel il-ġid. Fuq dak ir-rapport lanqas qatt ma kellha tiġi kontemplata kwerela wisq inqas kwerela li ssemmi dawn it-tip tar-reati,” temm jgħid il-Prim Ministru. 

Aktar qabel, kemm il-Ministru għat-Turiżmu u l-Indafa Pubblika Clayton Bartolo kif ukoll il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri, f’post fuq il-paġna tagħhom ta’ Facebook tkellmu dwar ir-rapport tal-Kummissarju tal-Istandards u qalu li wieħed issa jistenna l-eżitu tad-diskussjoni fi ħdan il-Kumitat Permanenti. 

Huma ċċaraw li l-persuna msemmija ġiet ingaġġata għal perjodu qasir ta’ madwar tmien xhur mal-Ministeru t’Għawdex, u l-impjieg kien in stretta osservanza mal-policy applikabbli illi toħrog mill-Manual on Resourcing, Policies and Procedures. Fl-ebda punt, ħin jew manjiera ma nkiser il-kontenut ta’ dan il-manwal jew ma ntwera xi favoritiżmu a favur ta’ xi ħadd in partikolari. 

“Tajjeb ninnutaw ukoll il-fatt li l-kuntratt imsemmi ġie tterminat fil-31 ta’ Diċembru 2021 u minn dak iż-żmien lil hawn il-persuna msemmija qatt ma ħadmet iżjed mal-Gvern. U lanqas ma kellha xi forma ta’ remunerazzjoni oħra mill-istess Gvern. Ir-rapport ma jgħidx illi l-persuna msemmija ma ħadmitx, anzi pjuttost jiċċertifika l-kuntrarju,” kiteb il-Ministru Bartolo.

Fid-dawl ta’ dan kollu, huwa qal li filwaqt li ma jaqbilx ma’ dak kollu li kiteb il-Kummissarju tal-Istandards, jaċċetta l-istess rapport u jekk kien hemm istanzi fejn b’xi mod naqas, b’umiltà jitlob apoloġija. Temm jgħid li bħalma għamel fis-snin li ilu jservi f’din il-kariga se jibqa’ ffukat fuq ħidmietu sabiex ikompli jaħdem għall-industrija turistika li qiegħda twassal għall-ħolqien tal-ġid li minnu jgawdi l-poplu Malti u Għawdxi kollu kemm hu. 

Min-naħa tiegħu, il-Ministru Camilleri wkoll ikkonferma li r-rapport ma jgħidx li l-persuna msemmija ma ħadmitx, anzi pjuttost jiċċertifika l-kuntrarju. Tenna li “dan huwa Gvern wieħed u Ministeru bħalma huwa dak ta’ Għawdex jirrikjedi ħidma konġunta ma’ kull Ministeru, fosthom tat-Turiżmu kif sar fuq proġetti bħall-Istrateġija tat-Turiżmu 2021-2030, l-Istrateġija tad-Diving, il-qasam tal-films u l-Malta International Fireworks Festival.”

Ekonomija

Sport