Wednesday, August 26, 2026
Home Sport Aġġornament mil-Logħob tal-Mediterran: Delicata jgħaddi bla diffikultà, it-tiraturi Chetcuti f’pożizzjoni tajba fit-Trap

Aġġornament mil-Logħob tal-Mediterran: Delicata jgħaddi bla diffikultà, it-tiraturi Chetcuti f’pożizzjoni tajba fit-Trap

0
58

Ir-raba’ jum ta’ kompetizzjoni għal Team Malta fl-XX Logħob tal-Mediterran f’Taranto ġab miegħu rebħa komda fiT-tennis, bidu b’saħħtu fl-isparar tat-trap u eliminazzjoni fil-kwarti tal-finali tal-badminton.

Badminton

Il-plejer Samuel Cassar kellu sfida iebsa kontra t-Taljan Giovanni Toti fil-kwarti tal-finali tas-singles tal-irġiel. Minkejja d-determinazzjoni li wera waqt il-logħba, Cassar tilef kontra t-Taljan f’żewġ sets, 21–9, 21–10.

Il-kontroll preċiż u r-ritmu aggressiv ta’ Toti ddominaw il-logħba sa mill-ewwel set, u ħallew ftit spazju lil Cassar biex jibni momentum. Għalkemm din it-telfa temmet l-avventura ta’ Cassar fis-singles, il-prestazzjoni tiegħu kompliet turi l-progress u l-preżenza dejjem tikber ta’ Malta fil-badminton internazzjonali kontra wħud mill-aqwa avversarji Mediterranji.

Sparar

Illum bdiet il-kompetizzjoni tat-trap, biż-żewġ tiraturi  Gianluca Chetcuti u William Chetcuti, jinsabu f’pożizzjoni tajba wara l-ewwel 75 plattina tal-kwalifikazzjoni.

Gianluca Chetcuti jinsab proviżorjament fit-tieni post b’73/75 wara rawnds ta’ 24, 24 u 25. William Chetcuti, li beda b’żewġ rawnds perfetti ta’ 25 qabel ma kiseb 22 fit-tielet rawnd, jinsab fuq 72/75 u bħalissa għandu l-istess skor bħal erba’ tiraturi oħra.

It-tnejn kellhom jiffaċċjaw l-aktar kundizzjonijiet diffiċli tal-ġurnata fl-aħħar rawnd, bix-xemx qawwija u r-riħ dejjem jiżdied. Il-Maltin qed jikkompetu f’kamp ta’ livell għoli li jinkludi lil Gian Marco Berti ta’ San Marino, rebbieħ tal-midalja tal-fidda fil-Logħob Olimpiku ta’ Tokyo 2020, kif ukoll lil Mauro de Filippis, li ħa sehem darbtejn fil-Logħob Olimpiku.

Il-kwalifikazzjoni tintemm għada filgħodu b’żewġ rawnds oħra ta’ 25 plattina, bl-aqwa tmien tiraturi javvanzaw għall-finali ta’ wara nofsinhar.

Tennis

Liam Delicata u Alex De Gabriele lagħbu kontra Jasin Jakupi (KOS) u Wissam Abderrahman (TUN) rispettivament fiċ-Ċentru tat-Tennis Magna Grecia.

Liam Delicata għadda għar-rawnd li jmiss wara rebħa ta’ 6-0, 6-0 fuq Jasin Jakupi tal-Kosovo. Delicata ħa l-kontroll sa mill-ewwel set u ma ċeda xejn. Delicata issa jiltaqa’ ma’ Ioannis Xilas (GRE).

Il-kampanja ta’ Alex De Gabriele fis-singles f’Taranto waslet fi tmiemha t-Tlieta filgħaxija wara telfa ta’ 6-0, 7-5 kontra t-Tuneżin Wissam Abderrahman. Għalkemm l-ewwel set ntilef kemm xejn kmieni, bis-serve ta’ Abderrahman jiddetta r-ritmu tal-logħba, De Gabriele wieġeb tajjeb fit-tieni set. Hu kkontesta kull punt u ġiegħel lill-avversarju tiegħu jidħol f’rallies itwal, iżda t-Tuneżin żamm sod biex għalaq il-partita favur tiegħu. Minkejja dan,  d-determinazzjoni li wera De Gabriele fit-tieni set kienet evidenti.

Ħarsa ’l Quddiem

It-tiraturi ta’ Team Malta jirritornaw fuq ir-range għada filgħodu, fejn Gianluca Chetcuti u William Chetcuti se jtemmu l-aħħar żewġ rawnds ta’ 25 plattina fil-kwalifikazzjoni tat-trap, bil-għan li jispiċċaw fost l-ewwwel tmienja u jiksbu post fil-finali.

Wara nofsinhar, l-attenzjoni ddur fuq it-tennis, fejn Alex De Gabriele u Elaine Genovese jiltaqgħu ma’ Florent Limani u Learta Muharremi tal-Kosovo fil-mixed doubles.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here