“Proċess immirat lejn iktar effiċjenza” 

- l-Avukat Sharon Mizzi dwar ir-Riforma tal-Qorti tal-Familja

Aqra wkoll

F’intervista ma’ dan is-sit, l-Avukat Sharon Mizzi qalet li r-Regolament Sussidjarju (SL 12.35) li ġie ppubblikat fil-11 ta’ Awwissu 2026 u li issa sar parti mil-Liġijiet ta’ Malta jistabbilixxi Regoli u Proceduri legali ċari u trasparenti fl-istadji inizjali quddiem il-Qorti tal-Familja. Mill-1 ta’ Ottubru 2026 ser jidħlu fis-seħħ il-maġġoranza tad-disposizzjonijiet li jifformaw parti mill-ewwel fażi tar-riforma tal-Qorti tal-Familja.

Dr Mizzi qalet li l-proċess huwa mmirat lejn iktar effiċjenza u soluzzjonijiet li jwasslu lill-partijiet għal riżoluzzjoni bonarja, ’il bogħod minn litigazzjoni u kawżi kontenzjużi.

Digrieti – Is-smiegħ tal-vertenza fi stadju inizjali

L-ewwel disposittiv innovattiv u b’saħħtu fir-Regolament huwa t-talba għal smiegħ. Ir-Regolament jiffokka fuq għodo legali li bihom jgħin lill-partijiet sabiex jaslu għal ftehim bid-djalogu u d-diskussjoni, però fejn dan ma jseħħx, kull parti jkollha d-dritt li titlob deċiżjoni mill-Qorti occorrendo bi smiegħ.

Dan ser isir billi kull parti tista’ tramite rikors titlob lill-Qorti tiddeċiedi fuq punti sostanzjali ta’ diverġenza bħal deċiżjonijiet fuq il-kura u kustodja tal-ulied, ir-residenza tagħhom, l-aċċess lejn kull ġenitur u l-manteniment u meta l-Qorti tħoss li dak ippreżenatat lilha jimmerita smiegħ, anke f’dan l-istadju bikri tal-proċeduri tista’ tibgħat għall-partijiet, tisma’ u tiddeċiedi. Dak li solitament isir fil-kawża, issa qed isir possibbli fil-medjazzjoni u dan huwa l-ewwel disposittiv b’saħħtu għax ir-Riforma temmen li jekk ċertu punti sostanzjali ta’ diverġenza jiġu indirizzati u deċiżi fi stadju inizjali, il-litigazzjoni tista’ tiġi evitata. 

L-istess proċedura ta’ smiegħ tapplika fejn ikun hemm allegazzjoni ta’ vjolenza domestika u manipulazzjoni intenzjonata tal-ulied. Ir-Regolament issa jistabbilixxi li f’kull każ ta’ vjolenza domestika u manipulazzjoni intenzjonata fuq l-ulied, il-Qorti għandha tappunta r-rikors tal-parti għal smiegħ fi żmien erbat ijiem u tiddeċiedi l-vertenza f’terminu stabbilt. Fid-deċiżjoni tagħha l-Qorti tista tagħti provvediment għal nomina ta’ persuni ta’ sostenn bħal terapisti u esperti tal-Qorti u avukati tat-tfal bħala gwardjani ad litem sabiex jassistuha fil-każ. 

Jekk l-Qorti però ssib, li xi parti għamlet rapport jew allegazzjonijiet foloz kontra l-kontroparti, il-Qorti għandha tieħu l-proveddimenti inkluż dawk Kriminali konsegwibbli għal tali aġir.

L-Ittra tal-Medjazzjoni

Il-Qorti tal-Familja hija kompetenti li tisma’ u tiddeċiedi kull kwistjoni bejn partijiet miżżewġin u partijiet oħra li mhumiex. Il-proċedura ser tapplika għal kulħadd bl-istess mod u ċioe mhux biss għall-partijiet li qed jisseparaw, iżda wkoll talbiet għall-kura u kustodja, għall-aċċess, għall-manteniment u kull talba oħra li tinvolvi lill-ġenituri u l-ulied.

Ir-Regolament, li jemenda l-Ligi Sussidjarja ta’ qablu, jipprovdi għall-ewwel darba li mal-ittra (applikazzjoni) għall-medjazzjoni, il-parti u l-kontroparti trid tippreżenata nota ġuramentata li biha tiddeskrivi l-qagħda finanzjarja tagħha flimkien ma’ proposta li permezz tagħha hija tkun lesta li tasal għal ftehim bonarju. 

B’hekk meta parti tiftaħ medjazzjoni, hija għandha tippreżenta stampa ċara tal-qagħda finanzjarja tagħha b’lista tal-Assi li hija għandha kemm waħedha u kemm komuni, id-dejn u pagamenti li hija tħallas u d-dħul tagħha tal-aħħar tliet snin u dan flimkien ma’ proposta ta’ dak li hija lesta li toffri u titlob sabiex ikun hemm ftehim. 

Dawn id-dokumenti jiġu notifikati lill-kontroparti li jkollha l-istess obbligu li tippreżenta d-dokumenti u l-proposti tagħha fi żmien għoxrin jum. Dan l-iskambju huwa obbligatorju fuq kull parti u ser jgħin sabiex kull parti u l-medjatur madwar il-medja ta’ diskussjoni jkollha stampa iktar ċara taċ-ċirkostanzi partikolari ta’ dik il-persuna u dak li kull parti tkun qed titlob sabiex tifformalizza ftehim.

Fl-ewwel seduta għalhekk l-Medjatur u l-partijiet ser ikollhom a disposizzjoni tagħhom id-dokumenti li bih jistabbilixxu l-aspett finanzjarju u l-proposta ta’ kull parti bħala bażi għal ftehim kemm dwar l-assi u kemm dwar l-ulied sabiex b’hekk id-diskussjoni ssir b’mod infurmat u bi trasparenza.

Fejn id-dokumenti skambjati ma jissodisfawx lil xi parti, kull parti issa ser ikollha dritt li titlob lill-banek, l-istituzzjonijet finanzjari u xhieda sabiex jagħtu prova uffiċjali tal-assi ta’ kull parti billi jiġu ppreżentati dokumenti uffiċjali li jmorru lura fis-snin u għalhekk issa tneħħiet il-ħtieġa li tiġi intavolata kawża biex jiġi ppruvat l-aspett finanzjarju. Tajjeb li jiġi emfasizzat li qabel l-introduzzjoni ta’ dan ir-Regolament ebda parti ma kellha s-setgħa li tistabilixxi l-istess, jekk mhux b’kawża. 

Importanti li jingħad ukoll li d-dokumenti prodotti ser jibqgħu jifformaw parti mill-atti tal-proċess anke jekk l-vertenza tispiċċa f’kawża, però l-proposti skambjati jibqgħu dejjem mingħajr preġudizzju, anke jekk il-partijiet jispiċċaw il-Qorti.

Attendenza għal seduti tal-Medjazzjoni

Id-djalogu u l-parteċipazzjoni tal-partijiet huwa predominati fir-Regolament però sabiex dan iseħħ il-preżenza tal-partijiet fis-seduti tal-medjazzjoni hija essenzjali. Ir-Regolament jipprovdi għal massimu ta’ tmien seduti ta’ medjazzjoni b’terminu ta’ sitt xhur però li jista’ jiġi prorogat. B’hekk r-Regolament jipprovdi li kull nuqqas ta’ xi parti għal seduti għandha tiġi noitfikata lil Imħallef. 

Għall-ewwel darba parti tista’ titlob proveddiment lil Qorti dwar nuqqas ripetut ta’ xi parti mhux ġustifikat. Dan jista’ jimpinġi fuq id-drittijiet ta’ din il-parti li tkun naqset li tidher fil-medjazzjoni.

Ksur ta’ digrieti

Ir-Regolament iwassal messaġġ ċar billi jipprovdi l-għodda lill-partijiet sabiex jaslu għal ftehim bi djalogu, sabiex jattendu għal medjazzjoni bi spirtu ta’ rieda tajba u buonavolonta però b’għarfien li abbuż tas-sistema mhux ser jiġi ttollerat u ser iġib konsegwenza.

Bl-istess mod kull ordni mogħtija mill-Qorti m’għandhiex tittieħed b’mod leġġer u għandha tiġi osservata. Ir-Regolament għalhekk jipprovdi li kull parti għandha dritt li titlob proveddiment lil Qorti kontra l-parti l-oħra meta ikun hemm ksur ta’ digrieti u jista’ jintalab wkoll smiegħ u l-parti inadempjenti tinġieb quddiem il-Qorti, meta ikun hemm ksur ripetut. Ikun fid-diskrezzjoni tal-Qorti li tagħti proveddimenti xierqa skont iċ-ċirkostanzi ta’ kull każ.

Ftehim

Kultant ikun hemm ċirkostanzi fejn il-partijiet ikunu qed jiftehmu fuq xi punti però mhux jaslu fi ftehim fuq oħrajn.

Ir-Regolament jipprovdi wkoll il-possibilità li f’kull stadju tal-medjazzjoni, il-partijiet jistgħu jaqblu fuq uħud mid-diverġenzi ta’ bejniethom u dawn jiġu fformalizzati f’digriet, filwaqt li tintalab deċiżjoni possibbilment anke b’udjenza fuq aspetti oħra li ma jkunx hemm qbil dwarhom.

Għalhekk għall-ewwel darba r-Regolament jantiċipa sitwazzjoni fejn fuq ċertu punti l-partijiet ikunu waslu u fuq oħrajn ikollhom bżonn id-direzzjoni u d-deċiżjoni tal-Qorti.

PERSUNI TA’ SOSTENN

Ir-Riforma għandha ruħ soċjali u fir-Regolament insibu l-introduzzjoni ta’ żewġ rwoli ta’ persuni ta’ sostenn, dak ta’ terapisti u dak ta’ esperti tal-Qorti. L-impetus ta’ dawn il-professjonisti huwa kruċjali, maħsub sabiex jipprovdu s-support lil kull parti fi bżonn, bit-taħriġ u l-esperjenza professjonali tagħhom. L-assistenza tista’ tingħata f’kull stadju tal-medjazzjoni u tal-kawża, kemm jekk mitluba mill-parti jew jekk nominati mill-Qorti u għall-ewwel darba l-partijiet mhux se jħallsu għal dan is-servizz li qabel l-introduzzjoni ta’ dan ir-Regolament kien jitħallas mill-partijiet.

Il-persuna ta’ sostenn bħala terapist ser jibqa’ marbut bis-sigriet professjonali u kunfidenzjalità u ma jistax jintalab jixhed, mentri l-persuna ta’ sosenn bħala espert tal-Qorti ser ikompli jaqdi l-rwol tiegħu bl-istess mod però b’timeframes ċari.

L-AĦJAR INTERESS TAT-TFAL – GWARDJAN AD LITEM

L-aħjar interess tat-tfal jibqa fiċ-ċentru tal-Liġi u għalhekk ir-Regolament jipprovdi li mhux biss il-partijiet għandu jkollhom l-għajnuna u s-support neċessarju però u bl-istess mod anke t-tfal. 

Għalhekk u in kawtela tal-interessi tat-tfal minuri, kemm meta fi stadju ta’ medjazzjoni jinħass il-bżonn u b’mod tassattiv fil-kawża, l-ulied minuri issa ser ikunu assistiti b’avukat li ser jaġixxi ta’ gwardjan ad litem sabiex ihares l-interessi legali tagħhom. Dan huwa wkoll rwol ieħor ġdid u importanti introdott fir-Regolment. Il-partijiet mhux mistennija li jħallsu għal dan s-servizz. 

Ir-Regolament jipprovdi li f’kull deċiżjoni li jirrigwardja l-ulied minuri, l-eżerċizzju li għandu jsir mill-Qorti, megħjuna mit-terapisti jekk ikun hemm il-ħtieġa u l-avukat tat-tfal bħala gwardjan ad litem, jekk ikun il-każ, huwa kif l-obbligu tal-genituri li jrabbu lil uliedhom jikkombaċja mal-aqwa interess tal-ulied, li għandu jipprevali fuq kull ċirkostanza.

Ir-Regolament jipprovdi li l-Qorti fid-deċiżjoni tagħha għandha teżamina, iċ-ċirkostanzi partikolari ta’ dik l-familja u r-rieda, il-ħila u l-abbilità ta’ kull ġenitur li jipparteċipa fit-trobbija tal-ulied. Il-Qorti għandha tikkonsidra r-relazzjoni tal-ġenituri flimkien u jekk co-parenting f’dik is-sitwazzjoni tistax iseħħ u jekk hijiex fl-aħjar interess tal-ulied.

Ftehim konsenswali

Il-partijiet li jaslu għal riżoluzzjoni bonarja u sakemm il-ħtieġa ma tinħassx mill-Qorti, minn xi parti jew mill-medjatur, mhux ser ikunu assistiti mill-persuni tas-sostenn jew l-avukat tat-tfal bħala gwadjan ad litem u il-ftehim bonarju dejjem jekk fl-interess tal-partijiet u l-iktar tat-tfal, jibqa l-proċess li jwassal għal riżoluzzjoni fi żmien qasir. 

KONKLUŻJONI

Il-messaġġ ewlieni fi-Regolament huwa li l-medjazzjoni kif emendata hija għodda li twassal lill-partijiet sabiex jiġi formulat ftehim u jevitaw litigi u kawżi. Huwa proċess li għandu jittieħed b’serjetà u mhux b’mid leġġer. Kull assenza minn xi parti ser tiġi ssenjalata lil Imħallef mill-medjatur u fid-deċiżjonijiet ta’ rikorsi pendenti, nuqqasijiet ta’ attendenza mhux ġustifikata, nuqqasijiet ta’ xi parti ma’ xi ordni tal-Qorti bħal li tipprovdi aċċess jew manteniment, ser jimpinġu fuq id-drittijiet ta’ dik il-persuna kemm meta l-Qorti tkun qed tiddeċiedi rikorsi pendenti jew fuq talba specifika f’dan is-sens.

Finalment l-irwol il-ġdid tal-Koordinatur tal-medjazzjoni ser iservi sabiex dan l-uffiċjal jara li t-termini tal-Regolament jiġu osservati mill-partijiet, mill-avukati u mill-medjaturi, sabiex fl-aħjar interess ta’ kulħadd, kull vertenza tiġi riżolta kemm jista’ jkun bonarjament.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport