Team Malta beda l-impenji tiegħu fil-Logħob tal-Mediterran b’determinazzjoni nhar is-Sibt, hekk kif fetaħ il-kampanja tiegħu fl-20 edizzjoni tal-Logħob f’Taranto, l-Italja, b’atleti jikkompetu f’erba’ dixxiplini — Badminton, Sparar Skeet, Ċikliżmu u Raffa. Kien jum ta’ sfidi, wirjiet inkoraġġanti u momentum li beda jinbena, hekk kif l-iskwadra Maltija tat bidu pożittiv għall-jiem li ġejjin.
Badminton
Il-koppja Maltija tal-mixed doubles tal-Badminton, Francesca Clark u Samuel Cassar, temmet l-impenji tagħha fir-Round of 32 wara telfa ta’ 21-10, 21-12 kontra t-Taljani David Salutt u Martina Corsini.
Quddiem koppja esperjenzata li kienet qed tilgħab f’darha — bit-tnejn li huma rebbieħa diversi drabi tal-kampjonati nazzjonali Taljani tad-doubles — il-koppja Maltija sabitha diffiċli biex issib ir-ritmu tagħha fl-ewwel logħba, hekk kif it-Taljani ħadu l-kontroll sa mill-ewwel rallies. Clark u Cassar irkupraw fit-tieni set, fejn ikkompetew b’intensità ferm akbar u ġiegħlu lit-Taljani jaħdmu għal kull punt, iżda fl-aħħar l-esperjenza tal-avversarji għamlet id-differenza u huma għalqu l-partita f’żewġ logħobiet.
Ċikliżmu
It-time trial ta’ 17-il kilometru għadda mit-toroq ta’ Taranto fuq rotta teknika ħafna, mimlija dawriet u kurvi. Andrea Mifsud u Aidan Buttigieg it-tnejn telqu mir-rampa tat-tluq għal Malta, b’Mifsud jispiċċa t-tellieqa f’ħin ta’21:26.80 biex spiċċa fid-9 post, filwaqt li Buttigieg irreġistra ħin ta’ 21:57.39 biex temm fit-13-il post.
It-tnejn iffaċċjaw tellieqa kompetittiva li kien jinkludi diversi ċiklisti professjonali attwali u oħrajn li kienu professjonali fil-passat. It-Taljan Mirco Maestri ġab miegħu esperjenza tal-Grand Tours, b’diversi parteċipazzjonijiet fil-Giro d’Italia, filwaqt li t-Tork Ahmet Orken u ċ-Ċiprijott Bogdan Zabelinskiy żiedu esperjenza fil-livell WorldTour mal-lista tal-parteċipanti. Il-ġlieda għall-podju kienet waħda mill-qrib ħafna — bi tmien sekondi biss jifirdu lill-ewwel tlieta — u dan kompla juri l-livell għoli fost it-22 ċiklist li ħadu sehem.
It-tim Malti jerġa jikkompeti nhar it-Tnejn meta Bernard Galea jingħaqad ma’ Mifsud u Buttigieg għat-Tellieqa fit-Triq, fejn l-iskwadra qed tittama għal riżultat pożittiv. It-tellieqa ta’ 140 kilometru fuq ċirkwit b’telgħat mistennija tkun aktar adattata għall-karatteristiċi taċ-ċiklisti Maltin, li se jkunu qed ifittxu li jagħmlu l-preżenza tagħhom tinħass.
Sparar (Skeet)
André Cassar u Liam Sciberras kienu fl-azzjoni fi tliet rawnds ta’ kwalifikazzjoni tal-isparar fuq plattini, b’kull rawnd jikkonsisti f’25 plattina. F’kundizzjonijiet ta’ sħana qawwija, b’riħ ħafif li ftit li xejn ta serħan, Cassar ta prestazzjoni soda biex temm il-ġurnata fl-10 post b’total ta’ 68, filwaqt li Sciberras jinsab eżatt warajh fit-13-il post b’66.
Il-field jinkludi atleti ta’ kalibru għoli, fosthom it-Taljan Gabriele Rossetti, midalja tad-deheb Olimpika li rebaħ il-kompetizzjoni tal-Iskeet f’Rio 2016.
Iż-żewġ atleti jerġgħu lura fir-range għada filgħodu għall-aħħar żewġ rawnds ta’ kwalifikazzjoni, bl-ewwel tmienja javvanzaw għat-tieni stadju tal-kompetizzjoni.
Raffa
Prestazzjoni mill-aqwa minn Stefan Farrugia li għeleb lis-Sloven Nik Svara f’dik li rriżultat f’rebħa pjuttost komda fuq tmien ends. Farrugia beda tajjeb u bena vantaġġ kmieni. Svara wieġeb tajjeb fit-tielet u r-raba’ ends, fejn kiseb ħames punti mingħajr risposta biex għal ftit ħoloq it-theddida ta’ rimonta, iżda Farrugia reġa’ sab il-kontroll u ma ħalla xejn lill-avversarju tiegħu fl-aħħar erba’ ends, fejn għelbu 6-0 biex issiġilla rebħa konvinċenti ta’ 10-5.
Farrugia jerġa’ jkun fl-azzjoni l-Ħadd filgħodu kontra l-Franċiż Aurelien Corbihan.
Il-Ħadd iwiegħed ġurnata oħra mimlija azzjoni għat-team Malti. Alycia Cassar tidħol fuq it-tapit tat-Taekwondo fil-kategorija -67kg fl-10:00am, fejn se taffaċċja lill-Kroata Ivana Arelic. Aktar tard dakinhar filgħodu, Nico Zarb jibda l-impenji tiegħu fir-rawnds eliminatorji tal-irġiel fil-Lotta fl-10:30am.




