Saturday, December 28, 2024

AĠĠORNAT: Għadhom għaddejjin il-vjaġġi bl-għalf maħruq lejn il-Wasteserv

Aqra wkoll

Diversi ħaddiema mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili flimkien ma’ uffiċjali oħrajn għadhom għaddejjin f’ħidma biex inaddfu għalf maħruq f’Silos fil-Grain Terminal f’Kordin.

Sorsi qrib Talk.mt qalulna li wara li ġew kontrollati n-nirien, diversi pumpiera kkordinaw biex mal-1,100 tunnellata ta’ għalf jiġu trasportati lejn il-WasteServ fejn ikun jista’ jibda l-proċess biex dan l-għalf jinħadem bħala materjal organiku. Ovjament ladarba l-għalf inħakem min-nirien dan ma baqax tajjeb għall-annimali u għalhekk kellha tittieħed deċiżjoni biex jitnaqqas l-impatt ambjentali u jidher li din kienet l-aħjar soluzzjoni. Aktar minn 15-il trakk kienu qegħdin jintużaw biex għal diversi sigħat wieħed wara l-ieħor jitrasportaw l-għalf lejn il-Wasteserv biex ikun jista’ jinbeda l-proċess.

3:00 p.m: Nirien jeqirdu mal-1,100 tunnellata ta’ għalf fil-Grain Terminal f’Kordin

Fin-nirien li ħakmu l-Kordin Grain Terminal, aktar kmieni llum intilef madwar 1,100 tunnellata ta’ għalf, filwaqt li mill-istess ħażna ġew salvati 200 tunnellata. Is-sitwazzjoni bħalissa tinstab taħt kontroll u dalwaqt se jibda l-proċess biex jintrema l-prodott maħruq. Dan il-proċess se jsir b’kollaborazzjoni ma’ Wasteserv u se jkun ikkordinat mill-Protezzjoni Ċivili.

YouTube video

L-inċident seħħ hekk kif b’mod naturali saħan l-għalf. Min-naħa tal-Protezzjoni Ċivili u l-ħaddiema ta’ Kordin Grain Terminal ittieħdu l-prekawzjonijiet neċessarji biex jiġu ssalvagwardjati prodotti oħra fosthom qamħ li hemm maħżuna f’dan il-post.

10:00 a.m: eluf ta’ tunnellati ta’ qamħ jinħakmu min-nirien

Dan is-sit jinsab infurmat li numru ta’ pumpiera jinsabu għaddejjin b’ħidma minħabba nirien li ħakmu l-ħażna tal-qamħ f’Silos f’Kordin.

Ninsabu infurmati li tunnellati ta’ qamħ jinsabu f’riskju li jinqerdu minħabba nirien kbar fiż-żona. Nifhmu li din hija operazzjoni delikata ħafna u mistennija tieħu numru ta’ sigħat biex tiġi kkontrollata.

Intant il-Ministru Byron Camilleri kkonferma l-aħbar u qal li filwaqt li l-Protezzjoni Ċivili flimkien ma entitajiet oħrajn jinsabu fuq il-post, appella biex kemm jista’ jkun jiġu evitati l-inħawi.

Ekonomija

Sport