Tuesday, April 30, 2024

Ifeġġu l-ewwel sinjali tal-maltemp għall-istaġun tax-xitwa

Aqra wkoll

Il-paġna “Aġġornament tat-Temp”, fis-sigħat li għaddew ħabbret li fuq il-Gżejjer Maltin bdew ifiġġu l-ewwel sħab tat-tip Cumulus.

Gordon Grech, l-amministratur tal-paġna msemmija hawn fuq, f’kumment li ta lil Talk.mt spjega li l-Cumulus hija sħaba li tifforma minn pressjoni baxxa mit-Tuneżija, mill-Ewropa jew mill-Baħar Ijonju, u li jekk tifforma mill-Baħar Ijonju tkun ġejja iktar kesħa. Grech kompla jfisser li mingħajr dat-tip ta’ sħab ma jistax jagħmel maltemp. Infatti, Grech spjega li mill-aħħar ġimgħa ta’ Novembru u l-bidu ta’ Diċembru, li normalment huwa l-aqwa żmien tax-xita, ma konniex qed naraw dan it-tip ta’ sħab u kien għalhekk li kulma kellna kienu ħalbiet iżolati.

Skont l-istess paġna, “Ebda maltempata ta’ xita ma hi prevista b’mod konkret sas-17 ta’ Jannar. Forsi jkollna xi ftit xita iżolata kif kellna fl-aħħar jiem. Għandna xorti bdejna nosservaw sħab tat-tip Cumulus kif rajna lbieraħ filgħaxija”.

Kif bosta huma konxji, il-Gżejjer Maltin għadhom ma ntlaqtux minn maltempati li jimmarkaw il-bidu tax-xitwa. Infatti, matul ix-xahar ta’ Diċembru esperjenzajna bosta ġranet xemxin b’nuqqas kbir ta’ maltemp meta mqabbel ma’ snin oħra, filwaqt li skont rekords metereoloġiċi nazzjonali, Diċembru tal-2022 kien l-iktar wieħed xott tant li s-16 ta’ Diċembru li għadda kien irreġistrat bħala l-iktar jum sħun li qatt kellna f’dawn l-aħħar 60 sena għax-xahar ta’ Diċembru.

Fost ir-riperkussjonijiet li ġab miegħu dan it-temp “sajfi”, kellu impatt negattiv fuq
is-sidien tal-ħwienet kummerċjali għaliex f’kumment li ngħata dan is-sit ftit tal-jiem ilu, sid ta’ ħanut irrimarka li n-nies baqgħu lura milli jixtru lbies xitwi minħabba li għadha ma qabditx dik il-kesħa fina u l-maltemp li hu assoċjat ma’ żmien il-Milied.

Intant, l-istess paġna qed tbassar li t-temperatura se tonqos minħabba li firxa ta’ pressjoni baxxa ser iġġib temp aktar kiesaħ fl-Epifanija. Ir-riħ din il-ġimgħa huwa qawwi mill-Majjistral u mistenni li jestendi sa wara l-Epifanija.

Sport