Friday, November 15, 2024

AĠĠORNAT: IDENTIFIKAT IŻ-ŻAGĦŻUGĦ LI NSTAB MEJJET QALB IT-TIFRIK

Aqra wkoll

Hekk kif ftit tal-ħin ilu nstab bla ħajja iż-żagħżugħ imfittex għal madwar 16-il siegħa f’kooperazzjoni mill-iktar delikata huwa ġie wkoll identifikat.

Il-vittma huwa Jean Paul Sofia – żagħżugħ t’20 sena residenti s-Swatar.

Skont l-aħħar rapporti jidher li huwa daħal fis-sit inqas minn 10 minuti qabel seħħ l-inċident wara li mar biex inewwel xi għodda.

2:00 a.m: Iż-żagħżugħ jinstab mejjet wara 16-il siegħa

Is-sitt persuna mfittex għadu kemm instab wara sigħat ta’ operazzjoni mill-iżjed delikata.

Sfortunatament huwa nstab mejjet fil-post li kien maħsub waqt tfittxija li saret b’ħidma minn diversi pumpiera.

8:00 p.m: s’issa mhux lokalizzat

F’kumment lil dan is-sit is-Sur Peter Paul Coleiro qalilna bħalissa qed jitneħħew ġebla ġebla, biċċa biċċa biex jaslu fejn għandhom indikazzjonijiet li qiegħed iż-żagħżugħ.

Spjega wieħed irid jifhem li hemm tunnellati kbar ta materjal u mhux faċli anke għaliex il binja tinsab b’mod li tista’ taqa’ minn mument għall-ieħor.
Żied jgħid li jeħtieġ li joqogħdu attenti wkoll ghas saħħa tagħhom bħala uffiċjali tas-salvataġġ.
L-operazzjoni kompliet bl-għajnuna tad-drones u l-klieb li huma mħarrġa għal dan ix-xogħol speċifiku. Rigward il-bqija tal-istruttura li għadha mhux imwaqqa’, Coleiro qalilna li hemm ħafna fond u hemm sular ieħor li huma mminemti li jinżlu.

“M’għandniex indikazzjoni ċarissima fejn hu qiegħed”, żied jgħid filwaqt li kkonferma li l-operazzjoni mistennija tieħu diversi sigħat oħra iżda determinati li jibqgħu għaddejjin bl-operazzjoni.

Huwa qal li mhux faċli tikkalkula l-ħin li hemm bżonn minħabba l-periklu tal-istruttura. Barra minn hekk jista’ jkun hemm ukoll mumenti fejn jekk il-ħaddiema tal-protezzjoni ċivili jkollhom bżonn jinżlu jaħdmu taħtha jkun hemm aktar ċans ta’ periklu li tisfronda u allura jkollha titwaqqa’ b’mod kontrollat.

Intant il-Ministru Byron Camilleri kiteb fuq il-profil tiegħu li l-operazzjoni se tibqa’ għaddejja matul il-lejl.

6:00 p.m: Jibqgħu determinati jfittxu liż-żagħżugħ ħaj minkejja qtigħ ta’ qalb fuq barra

Sorsi qrib l-uffiċjali li qed imexxu l-operazzjoni biex jinstab iż-żagħżugħ Malti ta’ madwar 20 sena li jinsab maqbud qalb it-tifrik qalu lil dan is-sit li l-operazzjoni mistennija tieħu diversi sigħat. 

Is-sitwazzjoni tibqa’ waħda delikata mmens hekk kif l-inqas ċaqliqa tista’ tikkawża traġedja li tpoġġi fil-periklu anke lill-ħaddiema tas-salvataġġ stess.

L-istess sorsi qalulna li l-għajta qalb il-membri tas-salvataġġ f’sitwazzjoni simili tkun waħda kollettiva fejn għalihom il-fatt li qed ifittxu persuna li għadha nieqsa, minkejja kull xniegħa fuq barra, dik hija ħajja li trid tiġi salvata. Dan minħabba diversi spekulazzjonijiet fuq barra li minħabba li jkun għadda ħafna ħin mill-inċident u s-sitwazzjoni tibda tidher bħala waħda diffiċli u delikata, bosta jibdew ixerrdu n-negattività tal-falliment fl-operazzjoni biex iż-żagħżugħ jinħareġ ħaj.

14.20: Erba’ mill-ħaddiema huma barranin filwaqt li ieħor hu Malti

Skont stqarrija li ħarġu l-pulizija ftit tal-ħin ilu waqt li kkonferma li għada għaddejja tfittxija għal ħaddiema ieħor li skont sorsi qrib il-pulizija qalu lil talk.mt li hu Malti, intqal li dawk salvati s’issa huma tlieta Albaniżi, ħaddiem mill-Bożnija u ieħor Malti.

Tlieta mill-ħaddiema ġew iċċertifikati bi ġrieħi serji u jinsabu fl-ITU, ieħor bi ġrieħi gravi, filwaqt li l-ġrieħi tal-ħames persuna għadhom mhux magħrufa.

Dwar dan il-każ infetħet inkjesta maġisterjali mmexxija mill-Maġistrat tal-Għassa Dr Marse-Ann Farrugia, waqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan il-każ għadhom għaddejjin.

Żagħżugħ Malti ta’ madwar 20 sena jinsab maqbud qalb it-tifrik. L-Uffiċjal mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili s-sur Peter Paul Coleiro qal li l-binja tista’ taqa’ fi kwalunkwe ħin u għalhekk tajjeb li l-pubbliku jkun avżat li l-binja hija imminenti li taqa’. Żied jgħid li r-riħ mhux jgħin u li għalkemm din hija deċiżjoni li għad trid tittieħed, jaf il-binja jkollha tiġi mwaqqa’ b’mod kontrollat.

Rigward il-kundizzjoni tal-ħaddiema li qegħdin l-Isptar, il-Ministru qal li possibbilment li hemm tlieta minn dawk li ttieħdu fl-Isptar li jinsabu fil-periklu tal-mewt. Madanakollu konferma aktar dettaljata tinħareġ fil-ħin li ġej.

12:00 p.m: Jinħareġ il-ħames ħaddiem … tfittxija għal ieħor

Il-kelliem uffiċjali għall-Pulizija Brandon Pisani fl-aġġornament lill-ġurnalisti kkonferma li fil-post kien hemm ħames persuni, b’erbgħa minnhom jiġu rkuprati filwaqt li l-ħames wieħed għadu ma ġiex lokalizzat.

YouTube video

L-uffiċjali involuti fil-ħidma ta’ salvataġġ tajru drone biex ikunu jistgħu jevalwaw aħjar is-sitwazzjoni.

F’aġġornament mill-uffiċjal tal-Protezzjoni Ċivili Peter Paul Coleiro ntqal li għadu kemm ħareġ il-ħames persuna minn qalb it-tifrik li għalkemm mhux eskluż li sofra ġrieħi serji minħabba li kellu saqajh maqbudha qalb it-tifrik.

Kif ħabbarna sa mill-bidu tal-operazzjoni, il-pumpiera se jkomplu bi tfittxija għas-sitt persuna li hemm indikazzjonijiet li għadha maqbuda taħt it-tifrik. Il-pumpiera qegħdin jaħdmu fuq linja ta’ madwar 25 metru li mhijiex sitwazzjoni faċli. Barra minn hekk hemm tunnellati kbar ta’ tifrik u konkrit. Huwa qal li għalkemm mhux fi stadju li jikkonferma dwar dan is-sitt persuna, se jiddaħħlu l-klieb biex ikollhom indikazzjoni aħjar.

Rigward il-persuni li nħarġu aktar qabel, Coleiro qal li kienu kollha konxji, iżda ovjament mhux fi stadju li jikkonferma dwar il-kundizzjoni tagħhom.

“Mhix kwistjoni ta’ kemm nitfgħu nies, iżda li naqsmu lill-uffiċjali fi gruppi ta’ sitta”, tenna jgħid filwaqt li spjega li kull pass jista’ jkun delikat ferm anke minħabba l-periklu tal-bqija tal-bini li

10:30 a.m: Tiġġarraf binja fiż-Żona Industrijali ta’ Kordin

Ftit tal-mumenti ilu sfronda bini li jintuża bħala maħżen ġewwa ż-żona industrijali ta’ Kordin.

Minn informazzjoni li kiseb dan is-sit jidher li fil-post kien hemm xi persuni. Jidher li l-uffiċjali mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili rnexxielhom joħorġu xi persuni iżda għaddejja ħidma biex jiġi rkuprat mill-inqas persuna oħra li kien fil-binja.

Fuq il-post hemm preżenti wkoll numru ta’ timijiet mediċi inkluż it-tobba tal-emerġenza biex jagħtu l-ewwel għajnuna. Huwa qal ukoll li qed jintużaw il-klieb fit-tfittxija għal dik il-persuna jew persuni li jistgħu jkunu għadhom maqbudin.

Fuq Facebook, il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà, Byron Camilleri appella biex kulħadd jevita ż-żona biex l-entitajiet tas-salvataġġ ikunu jistgħu jaħdmu. Huwa kkonferma wkoll li l-ewwel erba’ persuni nħarġu mit-tifrik.

B’rabta mal-każ ġiet miftuħa inkjesta mmexxija mill-Maġistrat tal-Għassa Mars- Ann Farrugia

Aktar dettalji fil-ħin li ġej.

Ekonomija

Sport