Monday, April 29, 2024

“L-immigranti bdew jheddu li jisplodu ċilindru tal-gass”; Il-PM Abela jiddeskrivi s-sitwazzjoni drammatika abbord l-Europa II

Aqra wkoll

F’intervista fuq l-istazzjon tar-radju tal-Partit Laburita, il-Prim Ministru Robert Abela spjega sitwazzjoni drammatika li kienet żviluppat vapur li kien mikri mill-Gvern għall-immigranti.

Il-Prim Ministru Abela qal li l-immigranti li kienu abbord il-vapur kienu ħadu l-kontroll tal-kċina u bdew saħansitra jheddu li jisplodu ċilindru tal-gass u jaħarqu skart li kien hemm abbord.

Il-Prim Ministru tenna li l-immigranti kienu taw lill-awtoritajiet Maltin siegħa ċans inkella kienu se jaħtfu lill-ekwipaġġ li kienu abbord il-vapur.

Qal li huwa kellu jieħu deċiżjoni wara s-sejħa għall-għajnuna li saret mill-membri tal-ekwipaġġ, li qal li anke bdew jitkarrbu miegħu biex isalvahom.

Abela żied jisħaq li huwa ma setax ipoġġi ħajjiet il-persuni abbord f’periklu.

Fl-istess waqt il-Prim Ministru kkritika b’mod aħrax lill-Unjoni Ewropea li ripetutament injorat is-sitwazzjoni diffiċli li tikkonċerna l-immigrazzjoni irregolari.

Huwa għamel ukoll referenza għall-vjaġġ tiegħu fil-Libja, b’mod speċjali għal min ikkritika lill-Gvern li ma kienx qed jagħmel biżżejjed biex isolvi s-sitwazzjoni relatanti mal-immigranzzjoni irregolari. Huwa emfasizza r-riskji marbutin ma’ dan il-vjaġġ. Spjega kif ingħata bullet-proof vest, b’martu Lydia wkoll twissieh dwar ir-riskji involuti f’dan il-vjaġġ.

B’referenza għall-miżuri finanzjarji li l-Gvern mistenni li jħabbar għada biex jiffaċilita l-pjan ta’ rkupru ekonomiku ta’ pajjiżna, Abela tenna li dawn se jkunu bħal mini-budget.

Filwaqt li ma speċifikax il-mużuri li se jkunu qed jitħabbru, il-Prim Ministru tenna li dawn se jkunu intiżi biex jgħinu lin-negozji u jinkoraġġixxu l-konsum.

Il-Prim Ministru għamel referenza wkoll għat-tkeċċija ta’ bdoti mill-Air Malta. 

Huwa qal li l-ALPA mhijiex l-aktar unjin li kkoperat tul is-snin, li wasslet għal sitwazzjoni ta’ pika industrijali. Huwa qal li fid-diskussjonijiet li kien hemm bejn l-Air Malta u l-ALPA, l-unjin bdiet tinsisti li l-bdoti jieħdu l-inċentivi li kienu mniżżlin fil-fttehim kollettiv, fost l-għotja ta’ somma flus sinjifikanti għall-irtirar kmieni.

Il-Prim Ministru Abela tenna li l-pandemija tal-Covid-19 xejnet id-dħul tal-linja tal-ajru nazzjonali, madankollu bit-talbiet tagħha l-ALPA kienet qed timbotta xenarju daqslikieku kollox kien normali.

Huwa appella li mhuwiex tard wisq, madankollu qal li l-Gvern mhux se jkun qed jagħmel backtracking. “Id-deċiżjoni ttieħdet,” saħaq il-Prim Ministru. “It-telfien tal-impjiegi ġew dikjarati u se jibqgħu fis-seħħ sakemm ma jkunx hemm ċaqliqa min-naħa tal-ALPA.”

Żied jgħid li l-ballun issa jinsab f’saqajn l-unjin biex toħroġ bi proposti sostenibbli u li jissalvagwardjaw il-futur tal-linja tal-ajru u li jissalvagwardjaw il-futur tal-impjiegi kollha.

Sport