Aġġornata: Minn investigazzjonijiet ulterjuri li saru, il-vittma ġie identifikat li huwa raġel ta’ 22 sena min-Niġerja.
L-Erbgħa 7 ta’ Ottubru
Raġel aktarx barrani u li l-identità tiegħu għadha mhix magħrufa miet traġikament fl-Imġarr waqt li kien qed jaħdem. L-inċident seħħ għall-ħabta tal-5.30 p.m. fi Triq il-Ħaddedin.
Il-Pulizija tad-Distrett marru mill-ewwel fuq il-post u minn investigazzjonijiet preliminari li saru rriżulta li waqt li r-raġel kien qed iħott folji tal-ħadid għal xi raġuni l-ħadid waqgħu fuq ir-raġel.
Fuq il-post issejjaħ tim mediku li ta l-ewwel għajnuna lir-raġel iżda sfortunatament huwa ġie ċċertifikat mejjet fuq il-post.
Bil-każ ġiet informata l-Maġistrat tal-Għassa Gabriella Vella li ħatret inkjesta filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.