Wednesday, April 24, 2024

Għaddi: Mixja esperjenzali madwar il-Kalkara

Aqra wkoll

Għaddi – Mixja esperjenzali madwar il-Kalkara, huwa proġett bl-għan li jiċċelebra l-identità soċjokulturali, l-istorja u l-memorja kollettiva tal-Kalkara. Wara proċess ta’ ko-kreazzjoni li ilu għaddej minn Jannar, numru ta’ membri mill-komunità Kalkariża jirrakkuntaw l-istejjer u l-esperjenzi tar-raħal waqt li jaqsmu l-ħiliet u s-snajja’ tagħhom bħala parti minn mixja esperjenzali miftuħa għall-pubbliku – b’mod speċjali għall-familji interġenerazzjonali: tfal, ġenituri/kustodja u nanniet.

Il-mixja titlaq mill-Esplora, tgħaddi minn uħud mit-toroq ġewwa ċ-ċentru tal-Kalkara, u tispiċċa lura l-Esplora. Il-mixja hija twila madwar sagħtejn, inkluż 5 waqfiet ta’ madwar 15-il minuta l-waħda, fejn il-familji jkollhom iċ-ċans jiltaqgħu mal-membri mill-komunità tal-Kalkara u flimkien joħolqu xi ħaġa b’idejhom.

Din il-mixja taddotta l-metodu DIY fejn kull persuna tingħata awdjo-narrativ – fuq MP3 player jew tista’ titniżżel fuq l-ismartphone personali permezz ta’ QR Code, mill-websajt tal-Esplora, dakinhar tal-mixja – u ktejjeb żgħir bħala gwida. F’kull waqfa jkun hemm membru mill-komunità tal-Kalkara flimkien ma’ Explainer tal-Esplora. L-awdjo-narrativ se jkun offrut bil-Malti jew bil-Lingwa tas-Sinjali Maltija. Kull persuna tingħata wkoll basket bir-riżorsi biex jintużaw f’kull waqfa. Waqt il-mixja, qed insegwu l-miżuri kollha kontra l-imxija tal-COVID-19 skont dawk maħruġa mill-Awtoritajiet tas-Saħħa. Kull grupp huwa miftuħ għal bubble waħda, għalhekk dawk li jixtiequ jipparteċipaw jistgħu jserrħu rashom.

Dan il-proġett huwa mtella’ mill-Assoċjazzjoni Wirt il-Kalkara, Esplora, iċ-Ċentru Interattiv għax-Xjenza, l-artista komunitarja Kristina Borg, u huwa megħjun minn Komunitajiet Kreattivi – Il-Kunsill Malti għall-Arti, mill-Parroċċa tal-Kalkara u mill-Kunsill Lokali Kalkara. Għal aktar informazzjoni dwar il-proġett u l-attività mtella’ fl-10, 11 u 17 ta’ Ottubru, żur il-paġna ta’ Facebook bl-isem Għaddi.

Sport