Dan is-sit jinsab infurmat li aktar kmieni dalgħodu ajruplan ta’ Turkish Airlines kellu jagħmel inżul ta’ emerġenza fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.
![YouTube video](https://i.ytimg.com/vi/MlAV1vlDpF8/hqdefault.jpg)
Sorsi qrib tagħna qalulna li jidher li waqt it-titjira li ma kinitx destinata lejn pajjiżna kien hemm persuna li sofra minn xi kumplikazzjonijiet mediċi u għalhekk ġie deċiż li l-ajruplan jinżel f’pajjiżna.
It-titjira TK15 telqet minn Istanbul lejn San Paolo fil-Brażil aktar kmieni għall-ħabta tas-7:00 a.m.
![](https://talk.mt/wp-content/uploads/2022/11/mia-incident.jpg)
Ninsabu infurmati wkoll li biex l-inżul seta’ jseħħ, l-ajruplan kellu jagħmel xi ħin itir fuq pajjiżna bħala parti mill-miżuri ta’ prekawzjoni biex dan jinżel b’mod sigur f’pajjiżna.
![](https://talk.mt/wp-content/uploads/2022/11/mia-incident-3.jpg)
Jidher li l-persuna sabet ippreparat tim mediku u ambulanza biex jagħtu l-ewwel assistenza. Il-persuna tniżżlet minn fuq l-ajruplan u qiegħda tingħata c-CPR fuq il-post. Madanakollu r-raġel kien iċċertifikat mejjet fil-post.
L-awtopsja fuq ir-raġel mistennija ssir fis-sigħat li ġejjin u din mistennija tiddetermina l-kawża tal-mewt tar-raġel li skont l-ewwel indikazzjonijiet jidher li sofra minn attakk f’qalbu.