Mill-awtopsja li saret fuq il-katavru li nstab it-Tnejn li għadda, irriżulta li r-raġel miet kawża naturali.
Ikkonfermat dan il-pulizija f’komunikat maħruġ aktar kmieni anke fid-dawl ta’ rapporti fejn kien allegat li r-raġel instab f’kundizzjoni suspettuża.
It-Tnejn: Identifikat ir-raġel li nstab mejjet fl-Għasri
Dan is-sit jinsab infurmat li l-katavru misjub fi trejqa privata fi Sqaq il-Knisja fl-Għasri ġie identifikat bħala Michael Meilak.
Ninsabu infurmati wkoll li l-familjari ġew infurmati u li ntalbu biex jgħinu lill-pulizija fl-investigazzjonijiet li għadhom għaddejjin.
Madanakollu l-awtopsja mistennija tixgħet aktar dawl dwar il-kawża tal-mewt tiegħu.
2:00 p.m: Raġel jinstab mejjet bi ġrieħi f’rasu
Il-katavru li nstab aktar kmieni fi trejqa privata fi Sqaq il-Knisja fl-Għasri ġie identifikat bħala raġel ta’ 60 sena residenti r-Rabat Għawdex.
Skont informazzjoni li għandu dan is-sit jidher li r-raġel instab bi ġrieħi f’rasu u kien hemm ukoll xi traċċi ta’ demm.
Il-Pulizija f’komunikat minnha qalet li filwaqt li għadha għaddejja l-investigazzjoni b’rabta mas-sejba tal-katavru, l-awtopsja mistennija tixħet aktar dawl fuq il-kawża tal-mewt tiegħu.
12:30 p.m: Jinstab katavru fl-Għasri
Il-Pulizija qed tinvestiga s-sejba ta’ katavru ta’ raġel Għawdxi fl-Għasri Għawdex.
Kelliem għall-Pulizija kkonferma li għall-ħabta tal-10:30 a.m daħlet informazzjoni ta’ raġel li nstab mejjet f’residenza fi Sqaq il-Knisja.
Fil-post hemm il-preżenza ta’ numru ta’ uffiċjali tal-Pulizija kif ukoll dawk mit-taqsima Forensika li bdew bl-investigazzjonijiet tagħhom.
L-investigazzjonijiet għadhom fi stadju preliminari u f’dan l-istadju l-Pulizija mhi teskludi xejn.
Dwar il-każ infetħet inkjesta mill-Maġistrat tal-Għassa Dr Bridgette Sultana li ħatret bosta esperti biex jgħinuha fl-investigazzjoni.