Saturday, December 21, 2024

AĠĠORNAT: L-Inkjesta Maġisterjali xxejjen l-allegazzjonijiet ta’ qtil volontarju u tentattiv ta’ qtil ta’ immigranti

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru Robert Abela u l-Brigadier Jeffrey Curmi ma kienu involuti f’ebda omiċidju volontarju ta’ immigranti irregolari

L-ekwipaġġ tal-P52 ma wettaq ebda tentattiv ta’ omiċidju ta’ immigranti irregolari

• Repubblika twieġeb għar-rapport tal-inkjesta

Il-Prim Ministru Robert Abela, il-Brigadier Jeffrey Curmi u l-ekwipaġġ tal-patrol boat P52 ma kienu involuti u ma wettqu l-ebda tentattiv ta’ omiċidju ta’ immigranti irregolari kuntrarjament għal dak allegat minn Repubblika.

Dan jgħidu r-rapport tal-inkjesta maġisterjali, wara li l-Uffiċċju tal-Prim Ministru ppubblika fl-intier tiegħu r-rapport dwar l-Inkjesta Maġisterjali wara denunzja li ressqet l-għaqda Repubblika bil-firma ta’ Jason Azzopardi, b’allegazzjonijiet ta’ qtil volontarju ta’ immigranti min-naħa tal-Prim Ministru u tal-Brigadier Jeffrey Curmi, u tentattiv ta’ qtil minn membri oħra tal-Forzi Armati ta’ Malta.

Ir-rapport fih aktar minn 400 faċċata, u jirriżulta li fl-inkjesta nstemgħu 156 xhud, bl-assistenza ta’ esperti tekniċi, esperti maħtura għall-ġbir tal-provi u b’talbiet għal assistenza mil-Libja u informazzjoni oħra.

Fost oħrajn l-inkjesta kkonkludiet li l-allegazzjonijiet li saru ma kinux imsejsa bi provi. Dan filwaqt li ma nstabet ebda rabta dokumentarja stampata jew xhieda oħra li torbot lill-ekwipaġġ tal-lanċa P52, il-Prim Ministru Robert Abela u l-Kap Kmandant Jeffrey Curmi mal-allegati reati.

Filwaqt li ġie konkluż li l-Prim Ministru Robert Abela u l-Brigadier Jeffrey Curmi ma kienu involuti f’ebda omiċidju volontarju ta’ immigranti irregolari, u kif ukoll li l-ekwipaġġ tal-P52 ma wettaq ebda tentattiv ta’ omiċidju ta’ immigranti irregolari, instab li Malta wettqet l-obbligi internazzjonali tagħha u li l-komunità internazzjonali għandha tqum għar-responsabbiltajiet tagħha wkoll.

Mir-rapport tal-inkjesta joħroġ ukoll li kien hemm diversi punti li jikkuntrastaw serjament mal-allegazzjonijiet magħmula minn Repubblika, Avvenire, The New York Times u The Guardian, b’mod partikolari dawk id-dettalji li kienu jistrieħu fuq tweets u press releases tal-NGO umanitarja Alarm Phone.

Ir-rapport jindika wkoll li Repubblika, qabel ressqu d-denunzji lill-Pulizija, la talbu kjarifiċi mill-Prim Ministru, la mill-Brigadier u lanqas mill-Armata, u lanqas minn min għamel l-allegazzjonijiet oriġinali permezz ta’ twitter, liema messaġġi kienu sors tal-istejjer fuq mezzi tax-xandir internazzjonali.

Ir-rapport jemfasizza wkoll li l-membri tal-ekwipaġġ tal-P52 lanqas biss kienu fuq ħidma ta’ salvataġġ fil-ġranet indikati fid-denunzja bħala d-dati ta’ meta sar l-allegat tentattiv ta’ omiċidju.

Intant mill-konklużjonijiet tar-rapport joħroġ li għandu jkun hemm ftehim, bi protokolli ċari, dwar kif immigranti salvati jkunu rilokati f’pajjiżi varji, mhux biss tal-Unjoni Ewropea imma anke oħrajn membri tal-Kunsill tal-Ewropa u organizzazzjonijiet oħra tal-istati. Dan bil-għan li jkun hemm solidarjetà reali u mhux biss fuq il-karta. 

Fid-dawl ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-Inkjesta Magisterjali tappella lill-Kummissarju tal-Pulizija biex ikompli bl-istħarriġ tiegħu, b’koperazzjoni mal-forzi tal-ordni barranin, dwar it-traffikanti tal-bnedmin li tħallsu u organizzaw il-vjaġġ tal-immigranti, u li għalhekk huma responsabbli għat-telf tal-ħajjiet.

L-inkjesta titlob għal iktar investigazzjonijiet biex ikunu identifikati dawk li qed jorganizzaw dawn il-vjaġġi klandestini bi sfruttament ta’ tant persuni, liema introjtu mill-vjaġġi qed ikun ukoll sors għall-iffinanzjar ta’ gruppi terroristiċi. 

Intant Repubblika qalet li d-denunzji kienu dwar żewġ settijiet ta’ migranti separati; wieħed fuq dgħajsa li mbagħad iddaħħlet Malta u l-ieħor fuq dgħajsa li dawk li ma mitux ittieħdu illegalment il-Libja.

Filwaqt li qalet li se tkun qed teżamina fid-dettall ir-rapport, Repubblika qalet li inkjesta mhix proċess ġudizzjarju.

Qalet li għamlet id-denunzji li għamlet għax il-gvern irrifjuta għal 10 ijiem li jagħti informazzjoni dwar dak li ġara fl-ibħra li tissorvelja Malta. Tenniet li s-silenzju tal-Gvern kien jeħtieġ li jkun mistħarreġ għax f’dawk l-inċidenti mietu 12-il persuna wara ġimgħa fuq il-baħar.

Kompliet tgħid li s-suldati kien jixirqilhom li l-Gvern jara li dak li ġara jkun spjegat, iżda minflok il-Gvern injora l-mistoqsijiet ripetuti li sarulu mill-midja u bis-silenzju tiegħu tefa’ dell ikrah fuq is-suldati, mhux Repubblika.

Temmet tgħid li għandha tkun drawwa normali li meta jmutu n-nies fil-kuntest t’azzjoni tal-istat Malti, dawn l-imwiet ikunu investigati.

Ekonomija

Sport