Hekk kif kompliet l-operazzjoni f’Birżebbuġa, dan is-sit jinsab f’pożizzjoni li jikkonferma li fortunatament tneħħa l-periklu.
Ma setax jonqos li dawn invooluti fl-operazzjoni jieħdu nifs twil hekk kif f’dawn l-operazzjonijiet ma jkunx eskluż li l-affarijiet ma jmorrux skont kif pjanat minkejja id-diversi miżuri ta’ prekawzjoni.

“Għall-grazzja t’Alla għaddiet b’wiċċ il-ġid”, instemgħu jgħidu l-uffiċjali lil xulxin hekk kif il-parti ta’ quddiem tat-trakk ittellgħet fuq it-triq.
Għal xi ħin ġiet sospiża parti mill-ħidma fil-Port Ħieles, iżda issa kollox irritorna għan-normal u anke t-triq tinsab miftuħa mill-ġdid għat-traffiku.
12:45 p.m: Tkompli l-operazzjoni f’Birżebbuġa … diversi prekawzjonijiet minħabba ċertu riskju
Talk.mt jinsab fuq il-post fejn jista’ jaġġorna bl-aħħar dettalji dwar is-sitwazzjoni f’Birżebbuġa. Ninsabu infurmati li għalkemm ma sofriex ġrieħi x-xufier kellu jittieħed l-Isptar minħabba xokk qawwi li sofra.
Intant f’operazzjoni kkordinata bejn il-privat u l-Membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili għaddejja operazzjoni delikata li mistennija tieħu aktar ħin minħabba ċertu riskji.

Ninsabu infurmati li krejn tal-kumpanija Medserv qiegħed jintuża biex tintrabat il-parti ta’ quddiem tat-trakk filwaqt li vettura tal-Protezzjoni Ċivili se tkun qiegħda taħdem biex jinżamm il-kontejner li hemm fuq in-naħa ta’ wara b’tali mod li dawn jinġibdu fl-istess waqt.

Ma jistax jonqos li sadanittant, l-uffiċjali li waslu hemm aktar kmieni laħqu użaw għodda oħra mit-tagħmir tagħhom biex iwaqqfu t-trakk milli jkompli jegħleb sakemm tiġi kkordinata din il-ħidma kollha.
11:00 a.m: Xufier isofri xokk qawwi wara li spiċċa mdendel madwar tliet sulari
Ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili jinsabu għaddejjin b’ħidma delikata biex jiġbdu lura trakk li aktar kmieni għall-ħabta tal-10:30 spiċċa bil-parti ta’ quddiem imdendla f’għoli ta’ madwar tliet sulari f’Birżebbuġa.

Minn stħarriġ illi sar irriżulta li x-xufier kien qiegħed isuq l-imsemmija vettura meta għal xi raġuni tilef il-kontroll, baqa’ dieħel fi lqugħ li hemm fil-ġenb tat-triq u spiċċa bil-parti ta’ quddiem imdendla għal fuq il-faċilitả tal-Medserv.
Fuq il-post bdiet ħidma immedjata biex it-trakk jinġibed lura għat-triq b’numru ta’ vetturi u uffiċjali mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili.

Fil-post issejjaħ tim mediku mill-Isptar Mater Dei, iżda fortunatament ħadd ma ndarab f’dan l-inċident.
Intant l-aċċess għall-inħawi tal-Freeport minn wara huwa għalkollox magħluq.