Sunday, May 5, 2024

AĠĠORNAT: Spanjol arrestat b’rabta mal-allegat hit and run li ħalla anzjan bi ġrieħi serji

Aqra wkoll

Investigazzjonijiet intensivi li saru mill-Pulizija wasslu sabiex fi ftit sigħat tinstab il-karozza, kif ukoll ġie identifikat is-sewwieq li allegatament kien involut fl-inċident.

Is-sewwieq, Spanjol ta’ 26 sena, kien arrestat aktar kmieni llum filwaqt li l-vettura tal-għamla Nissan, instabet fi Triq il-Kunsill ta’ l-Ewropa, Ħal Luqa.

Huwa qed jinżamm arrestat, filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija u l-Inkjesta Maġisterjali għadhom għaddejjin.

Aktar qabel: Anzjan ferut serjament minn vettura li baqgħet sejra f’Ħal Luqa

Il-Pulizija tinsab għaddejja bi tfittxija għal vettura li permezz tagħha ntlaqat anzjan u tħalla ferut bi ġrieħi serji.

Il-każ seħħ għall-ħabta tal-5:30 a.m fi Triq Ċensu Decandia f’Ħal Luqa.

Minn stħarriġ illi sar rriżulta li anzjan ta’ 85 sena residenti Ħal Luqa stess intlaqat mill-vettura li telqet minn fuq il-post.

Ir-raġel ingħata l-għajnuna minn tim mediku fil-post sakemm seta’ jittieħed l-isptar b’ambulanza għal aktar kura.

Fl-istess inċident żewġ karozzi li kienu pparkjati – Daihatsu Terios u Mazda Demio sofrew xi ħsarat ukoll.

Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Dr Donatella Frendo Dimech li qed tmexxi inkjesta filwaqt li l-pulizija għadha għaddejja bl-investigazzjonijiet tagħha.

Sport