Wednesday, April 24, 2024

L-impatt tal-Covid-19 fuq il-ħaddiema… fiex sarraf?

Aqra wkoll

Fl-aħħar jiem, ittella’ seminar imniedi mill-General Workers’ Union dwar l-impatt tal-Covid-19 fuq il-ħaddiema. Wara studju mniedi mit-Taqsima tal-GWU Gvern u Entitajiet Pubbliċi, iffinanzjat mill-Unjoni Ewropea b’kollaborazzjoni mal-European Trade Union Confederation (ETUC) b’rabta mal-effetti tal-pandemija Covid-19 fuq il-ħaddiema kien imiss li jittella’ seminar għad-delegati u membri tal-GWU flimkien maż-żewġ riċerkaturi, Profs. Manwel Debono u Christine Garzia li ħadmu fuq ir-rapport biex jiddiskutu l-vantaġġi u l-iżvantaġġi li ħareġ minn dar-rapport.

Ġew diskussi suġġetti li spikkaw fir-rapport li sar bejn Marzu u Settembru 2022 fuq l-impatt li kien hemm fuq diversi gruppi ta’ ħaddiema. Filwaqt li ħafna mir-riżultati kienu jixbħu lil xulxin minħabba li kien hemm ammont ta’ effetti li laqtu lill-ħaddiema kollha, madankollu kien hemm kategoriji aktar minn oħrajn li ġew affettwati diversament, skont il-ġeneru, dawk il-ħaddiema b’diżabilità u wħud mill-ħaddiema żgħażagħ.

Fost is-suġġetti l-aktar li ġew diskussi kien hemm il-fatt li wħud mill-ħaddiema sabuha diffiċli biex jaqtgħu mix-xogħol hekk kif l-użu ta’ komunikazzjoni bl-emails, chat groups u mezzi oħra wassal biex il-ħaddiema spiċċaw jaħdmu sigħat itwal. Minbarra li kien hemm ħaddiema li saħansitra lmentaw li min iħaddem ippretenda li l-ħaddiema jkunu disponibbli 24 siegħa kuljum.

Tkellmu wkoll dwar l-istress li żdied kawża ta’ ħaddiema li tilfu xogħolhom, dawk li naqsitilhom il-paga, dawk li bil-kontra żdidilhom ix-xogħol, kemm bħala ħin u anke bħala xogħol.

Kif ukoll dwar il-biża’ mill-virus, fejn uħud stqarrew li għalkemm issa naqqas ħafna mill-impatt tiegħu, xorta waħda għadhom jibżgħu li jimirdu huma jew imarrdu lill-qraba tagħhom. 

Iddiskutew ukoll il-ħtieġa li l-miżuri kontra l-firxa tal-virus jibqgħu jiġu mħarsa, dwar il-kuntentizza u s-saħħa mentali u dwar it-tibdil tal-impjiegi speċjalment fost iż-żgħażagħ, fost oħrajn.

Minn dan is-seminar kompla joħroġ ċar il-fatt li hemm bżonn ta’ għajnuna u taħriġ fejn tidħol il-komunikazzjoni biex tiżdied l-effiċjenza fuq il-postijiet tax-xogħol. Kif ukoll li jiġi ffaċilitat l-aċċess għat-teleworking u li s-saħħa mentali tal-ħaddiema tingħata aktar prijorita minn min iħaddem, fosthom il-ħtieġa li wara l-ħidma fuq il-post tax-xogħol il-ħaddiem ikollu dritt li jaqta’.

Sport