Tuesday, May 14, 2024

Putin jissospendi l-ftehim tal-esportazzjoni tal-qmugħ mill-Baħar l-Iswed 

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-President Russu Vladimir Putin qal li se jkun qiegħed jissospendi, iżda mhux itemm, il-ftehim dwar passaġġ sigur għall-bastimenti li jesportaw il-qmugħ mill-Ukrajna.

Moska kkonfermat din id-deċiżjoni wara li allegat li l-Ukrajna kienet użat passaġġ sigur fil-Baħar l-Iswed biex tattakka flotta Russa.

Filwaqt li l-Ukrajna ma qalitx li hija responsabbli mill-attakk msemmi, il-President Ukren Volodymyr Zelensky qal li l-ftehim se jkun onorat. Barra minn hekk huwa akkuża lir-Russja li jhedded lid-dinja li se jkun hawn il-ġuħ.

Skont il-Ministru għall-Infrastruttura, minkejja d-deċiżjoni li ħarġet minn Moska, 12-il bastiment bi 354,500 tunnellata ta’ ikel li jinkludu qmugħ, fl-aħħar sigħat telqu mill-portijiet Ukreni.

Il-Ministru qal li wieħed mill-bastimenti b’madwar 40,000 tunnellata ta’ qmugħ kien destinat lejn l-Etijopja, pajjiż li fih hemm possibbiltà ta’ ġuħ kbir.

Wara li r-Russja invadiet l-Ukrajna fi Frar li għadda, il-flotta tagħha imponiet imblokk fuq il-portijiet tal-Baħar l-Iswed tal-Ukrajna, u qabdet madwar 20 miljun tunnellata ta’ qamħ flimkien ma’ oġġetti tal-ikel oħra bħall-qamħirrun u ż-żejt tal-ġirasol, maħsuba għall-esportazzjoni. 

Iżda f’Lulju kien sar ftehim bejn l-Ukrajna u r-Russja li kien ikkomunikat mit-Turkija u n-Nazzjonijiet Uniti fejn qablu li jerġgħu jibdew l-esportazzjonijiet tal-qamħ mill-portijiet tal-Baħar l-Iswed.

Madankollu, nhar it-Tnejn, il-President Putin qal li l-ftehim kien qed jiġi sospiż, u semma l-attakk “massiċċ” tad-drones fuq il-flotta tagħha fil-Krimea li huwa allega li l-Kapitali Ukrena kienet responsabbli għalih.

Sport