Wednesday, April 24, 2024

AĠĠORNAT: Tfajla fil-periklu tal-mewt wara li sfat aggredita b’arma taqta’ u bil-ponta

Aqra wkoll

Tifla ta’ 12 -il sena tinsab fil-periklu tal-mewt,wara li aktar kmieni llum għall-ħabta tas-1:30 p.m, il-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm bżonn l-assistenza tagħha f’residenza fi Triq San Tumas, il-Marsa.

Minn investigazzjoni illi saret, irriżulta li raġel allegatament kien daħal fir-residenza u aggredixxa żewġ tfajliet ta’ 12 u 15-il sena, b’arma li taqta’ u bil-ponta.

Iż-żewġt aħwa ttieħdu l-Isptar Mater Dei b’ambulanza għall-kura, fejn aktar tard it-tfajla ta’. 12-il sena ġiet iċċertifikata bi ġrieħi serji, filwaqt li l-kundizzjoni tat-tfajla ta’ 15-il sena għadha mhux magħrufa.

Fil-ħin tal-każ, fir-residenza kien hemm ukoll żagħżugħ ta’ 14-il sena li ma
sofriex ġrieħi fiżiċi, iżda għaddej b’assistenza għal xokk.

L-allegat aggressur, li minn aktar investigazzjonijiet ġie identifikat bħala raġel Malti ta’ 43 sena residenti Bormla, ġie arrestat ftit tal-ħin wara f’Bormla.

Bil-każ ġie infurmat il-Maġistrat tal-Għassa Dr Victor Axiak LL.D li ħatar inkjesta, filwaqt li l-Pulizija għaddejja bl-investigazzjonijiet.

3:30 p.m-Raġel arrestat f’Bormla wara li darab żewġ tfajliet u tifel taħt l-età f’residenza fil-Marsa

Raġel ta’ 43 sena minn Bormla ġie arrestat f’Bormla, wara li allegatament darab żewġt ibniet b’sikkina f’residenza li tinsab fi Triq San Tumas fil-Marsa, għall-ħabta ta’ 1:30pm.

Żewġ minorenni ttieħdu l-Isptar Mater Dei għall-kura wara li seħħ dan l-inċident, wara argument li seħħ bejn l-agressur u żewġt ibniet ta’ 12 u 15-il sena, u tifel ta’ 14-il sena.

Fuq il-post immedjatament assista tim mediku, li ħa lill-vittmi l-isptar b’ambulanza, filwaqt li l-kundizzjoni tagħhom għadha mhix magħrufa.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija b’rabta ma’ dan il-każ, għadhom għaddejjin.

Aktar informazzjoni fil-ħin li ġej.

1:45 p.m- Żewġ persuni l-Isptar wara ġlieda bis-sikkina fil-Marsa bl-agressur jaħrab minn fuq il-post

Żewġ persuni ttieħdu l-Isptar Mater Dei għall-aktar kura wara li aktar kmieni llum, għall-ħabta tas-1:30 p.m kienu involuti fi ġlieda bis-sikkina fi Triq Sant Tumas fil-Marsa.

Kelliem għall-Pulizija ikkonferma ma’ dan is-sit, li l-każ seħħ bejn erba’ qraba.

Fuq il-post immedjatament assista tim mediku, li ħa lill-vitmi l-isptar b’ambulanza. Il-kundizzjoni tagħhom għadha mhix magħrufa.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.

Aktar informazzjoni fil-ħin li ġej.

Sport