Thursday, April 25, 2024

AĠĠORNAT: Tliet anzjani ta’ ’l fuq minn 80 sena pożittivi għall-Covid-19 mhumiex f’kundizzjoni stabbli

Aqra wkoll

Mill-2,094 test li saru matul dawn l-aħħar 24 siegħa, irriżultaw 43 każ pożittiv għall-Covid-19. Fl-istess waqt kien hemm 30 persuna li kienu reġistrati bħala li rkupraw biex għaldaqstant in-numru ta’ każi attivi f’pajjiżna issa jammonta għal 399 każ.

Intant waqt il-konferenza tal-aħbarijiet li matulha tat aġġornament dwar is-sitwazzjoni tal-Covid-19 f’pajjiżna, is-Supretendent għas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci qalet li l-awtoritajiet tas-saħħa kienu identifikaw aktar minn 10 clusters, li l-akbar minnhom jikkonċernaw lil familji, attivitajiet soċjali u ċ-ċentri tal-immigrazzjoni.

Hija qalet li wieħed minn dawn il-clusters kienet attività tal-body building li s’issa minnha rriżultaw 10 persuni pożittivi għall-virus.

Qalet ukoll li kien hemm tixrid tal-virus fi djar tal-anzjani, fejn ġew identifikati tlett idjar. Il-Prof Gauci qalet li l-awtoritjiet qed jaħdmu mal-ħaddiema u r-residenti fuq miżuri ta’ kwarantina biex tiġi kkontrollata l-firxa tal-virus.

L-età medja tal-każi ġodda għal din il-ġimgħa kienet ta’ 47 sena.

Hija żiedet tgħid li kien hemm sitt persuni li kienu rriżultaw pożittivi għall-Covid-19 waqt it-testing mill-ajruport.

Fir-rigward ta’ immigranti li huma pożittivi għall-Covid-19, hija qalet li l-biċċa l-kbira tagħhom mhumiex qed juru sintomi tal-virus. Qalet li hemm 35 immigrant li qed jinżammu f’Lyster Barracks, hemm immigrant li qed jinżamm fl-Isptar Monte karmeli, immigrant ieħor qed jinżamm fl-Isptar Boffa, 37 immigrant li qed jinżammu fiċ-ċentru tal-Marsa, u immigrant li qed jinżamm fiċ-ċentru ta’ Ħal Safi.

Intant hemm sitt pazjenti li jinsabu rikoverati fit-Taqsima tal-Mard Infettiv, bi tlieta minn dawn il-persuni – li għandhom ilkoll ’il fuq minn 80 sena –li mhumiex f’kundizzjoni stabbli.

Aktar dettalji mal-ħin…

Sport