Sunday, May 19, 2024

AĠĠORNATA: “Attentat ieħor biex jingħalqu r-rotot għall-Ukreni li jridu jaħarbu ’l bogħod minn din il-gwerra”

Aqra wkoll

Is-Sindku ta’ Kramatorsk, Oleksander Honcharenko, ħabbar li l-ammont ta’ dawk il-persuni li tilfu ħajjithom fl-attakk ta’ Kramatorsk tela’ għal 40 ruħ u għaxra minnhom huma tfal. Madanakollu, s’issa jidher li m’hemmx qbil unanimu dwar l-ammont ta’ nies midruba, hekk kif il-President Ukren Volodymyr Zelensky iddikjara li l-ammont ta’ persuni midruba jlaħħaq għal madwar 300 persuna filwaqt li l-Mexxej ta’ Donetsk, Pavlo Kyrylenko, qal li bħalissa hemm 87 persuna midruba u bosta minnhom sofrew ġrieħi gravi.

Ir-Russja min-naħa tagħha qed tiċħad dawn l-allegazzjonijiet miġjuba kontriha. Il-Ministru għad-Difiża Russa qal li dawn l-akkużi li tinsab mixlija bihom ir-Russja rigward l-attakk li seħħ fi Kramatorsk huma “assolutament foloz”. F’dawn l-aħħar jiem diġà rajna lil Moska tiċħad għal bosta drabi l-evidenza dwar l-atroċitajiet li sofrew l-Ukreni li kienu jgħixu fi Kyiv u fiż-żoni tal-madwar.

Membri tal-Unjoni Ewropea kif ukoll mexxejja Amerikani qasmu l-ħsibijiet tagħhom dwar l-attakk ta’ dalgħodu. Fosthom kien hemm il-President tal-Kunsill Ewropew, Charles Michel, li qal illi din kienet sitwazzjoni “tat-twerrir” li tara missila tolqot wieħed mill-istazzjonijet ewlenin li bħalissa qed jintużaw mill-poplu Ukren sabiex jevakwaw mir-reġjun.

Josep Borrell – Ritratt: European Union

Ir-Rappreżentant tal-Affarijiet Barranin għall-Unjoni Ewropea, Josep Borrell, ikkundanna dan l-attakk b’mod voċiferu u ddeskrivieh bħala “Attentat ieħor biex jingħalqu r-rotot għal dawk iċ-ċittadini Ukreni li jridu jaħarbu ’l bogħod minn din il-gwerra”.

Honcharenko stabbilixxa li kien hemm 4,000 persuna fl-istazzjon jistennew l-ewwel ferrovija.

Kyrylenko sostna li minkejja l-bumbardamenti, l-evakwazzjonijiet minn dan ir-reġjun se jibqgħu għaddejjin.

IKTAR KMIENI WARANOFSINHAR: “Smajt bejn ħames u għaxar splużjonijiet” — Nathan Mook

Persuna li kienet fl-istazzjon tal-ferrovija fi Kramatorsk waqt l-attakk ta’ dalgħodu

“Il-ħoss tal-isplużjoni jaqtgħek minn ġewwa,” jgħid Nathan Mook. Mook huwa wieħed mill-individwi li inzerta fl-istazzjon tal-ferrovija fi Kramatorsk waqt l-attakk li seħħ dalgħodu, u li jistqarr illi sema’ madwar ħames u għaxar splużjonijiet.

F’intervista mal-BBC huwa rrakkonta li: “L-istazzjon kien miżgħud bin-nies, l-istess bħalma kien ilbieraħ u l-ġurnata ta’ qabel”. Wieħed jista’ jieħu idea aħjar tal-ammont kbir ta’ nies li jkun hemm fl-istazzjon ta’ Kramatorsk jekk jara l-filmat li xerred Mook fuq il-midja soċjali lbieraħ waranofsinhar.

Nathan Mook – Ritratt: Twitter

Mook jiddeskrivi x-xena li ra wara li seħħ l-attakk bħala waħda ta’ rovina, bi fdalijiet ta’ waħda mill-missili fil-parkeġġ flimkien ma’ numru ta’ nies mejta u oħrajn midruba. 

Fuq il-post issejjaħ tim mediku li ta l-ewwel għajnuna lill-persuni midruba.

IKTAR KMIENI DALGĦODU: Madwar 30 persuna vittma f’attakk fuq stazzjon tal-ferrovija fi Kramatorsk

Stazzjon tal-ferrovija fil-belt ta’ Kramatorsk f’Donetsk, fil-Lvant tal-Ukrajna, intlaqat ftit tal-ħin ilu minn żewġ rockets Russi. Dan kien irrappurtat miċ-chairman tal-kumpanija tal-ferroviji Ukreni, Oleksandr Kamyshin. 

Il-kumpanija tal-ferrovija kkonfermat li aktar minn 30 persuna sfaw vittma f’dan l-attakk u ‘l fuq minn 100 persuna oħra jinsabu midruba.

Il-Mexxej ta’ Donetsk, Pavlo Kyrylenko, iddikjara li eluf ta’ persuni kienu jinsabu fl-istazzjon tal-ferrovija fil-ħin li ġara l-każ, hekk kif għadd ta’ residenti mir-reġjun ta’ Donetsk bdew jiġu evakwati għal reġjuni iżjed sikuri fl-Ukrajna. Kramatorsk hija meqjusa bħala waħda mir-rotot ewlenin ta’ evakwazzjoni fil-Lvant tal-Ukrajna. 

Għadd ta’ Ukreni fl-istazzjoni tal-ferroviji fi Kramatorsk, iktar kmieni din il-ġimgħa – Ritratt: Getty Images.

Il-kunsill ta’ Kramatorsk avża liċ-ċittadini sabiex jibqgħu jistkennu fix-xelters.

Sport