Sunday, November 24, 2024

Aġġornata: Identifikat il-ħaddiem li tilef ħajtu fil-bini tal-inċineratur tal-Marsa

Aqra wkoll

Joseph Ellul, magħruf bħala x-Xlukkajr, huwa l-ħaddiem li sfortunatament tilef ħajtu dalgħodu wara li seħħ inċident fl-inċineratur tal-Wasteserv tal-Marsa. Huwa kellu 38 sena u kien deskritt minn bosta bħala ħaddiem ħabrieki u eżemplari fuq xogħlu.

L-inċident seħħ għall-ħabta tad-9.00a.m.

Minn informazzjoni li kiseb dan is-sit, jidher li l-ħaddiem kien qed josserva lift tiela’ b’materjal u l-indikazzjoni huma li sofra ġrieħi serji f’rasu wara li nqabad mill-istess makkinarju.

Ritratt: Talk.mt

Fuq il-post kienet issejħet ambulanza u tim mediku biex jassistu lill-ħaddiem, iżda sfortunatament huwa ġie iċċertifikat mejjet.

Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Elaine Mercieca li ħatret inkjesta.

L-investigazzjonijiet tal-pulizija b’rabta ma’ dan il-każ għadhom għaddejjin.

B’rabta ma’ dan l-inċident, is-Segretarju tat-Taqsima GWU Ospitalità u Ikel Kenny Muscat u l-Assistent Segretarju tat-Taqsima Gabriel Pullicino marru fuq il-post.

L-investigazzjonijiet fuq il-każ mill-OHSA bdew immedjatament skont it-termini ta’ Sezzjoni 9 tal-Att dwar l-OHSA, u se jkomplu matul il-ġurnata.

Sport