Wednesday, April 24, 2024

Ir-Russja m’għandhiex il-ħsieb li tagħlaq l-ambaxxati Russi li għandha fl-Ewropa

Aqra wkoll

Ir-Russja ddikjarat li m’għandhiex fi ħsiebha li tagħlaq l-ambaxxati Russi li għandha mifruxin f’pajjiżi differenti madwar l-Ewropa. Dan kien irrappurtat mill-midja Russa. Id-Deputat Ministru għall-Affarijiet Barranin, Alexander Grushko, saħaq li “Aħna nemmnu li l-ħidma tal-ambaxxaturi mill-uffiċini hija importanti”.

Il-pajjiżi tal-Punent imponew numru ta’ miżuri dixxiplinarji — inkluż sanzjonijiet fuq uffiċjali Russi, l-iffriżar ta’ beni ta’ bank Russu (ir-Russian Central Bank), u l-projbizzjoni fuq l-importazzjoni taż-żejt mir-Russja, sabiex iġiegħlu lil Moska biex tieqaf tikkommetti offensivi militari fl-Ukrajna.

Ilbieraħ, l-Ambaxxatur Russu għall-Polonja, Sergei Andreyev, iċċappas b’likwidu aħmar, li x’aktarx huwa żebgħa, minn grupp ta’ dimostranti li kienu qed jipprotestaw fil-Polonja kontra l-invażjoni Russa fl-Ukrajna. Dawk il-persuni li ħadu sehem f’din il-protesta, qalu lill-midja Pollakka TVN24 li l-likwidu aħmar li ntuża waqt il-protesta jissombolizza d-demm tal-Ukreni li sfaw vittma tar-Russi. 

L-Ambaxxatur Russu, flimkien ma’ membri oħra tal-Ambaxxata Russa żaru ċimiterju f’Warsaw sabiex ipoġġu l-kuruni tal-fjuri fiċ-ċimiterju — il-post li fih il-fdalijiet ta’ iżjed minn 20,000 suldat tal-armata Sovjetika li tilfu ħajjithom waqt il-battalji kontra l-Ġermaniżi fil-Polonja. Ilbieraħ, ir-Russja ċċelebrat is-77 anniversarju li jfakkar ir-rebħa fuq il-Ġermanja Nazista li seħħet fit-Tieni Gwerra Dinjija. 

Sport