Thursday, December 26, 2024

Agħar

Aqra wkoll

Minn ALFRED SANT

Punt li għadu jinħass kull meta jitressaq xi pronostiku dwar kif il-qagħda ekonomika fl-Ewropa se tiżviluppa wara dil-kriżi, bilfors iqanqal tħassib. Dan hu li kull tbassir qed jibda mill-premessa li t-tbassir li jkun sar qablu, ta stima li r-reċessjoni riesqa se tkun anqas qawwija milli filfatt qed tirriżulta “issa” li hi.

Istituzzjonijiet bħall-Fond Monetarju Internazzjonali, il-Kummissjoni Ewropea u l-Economist Intelligence Unit kienu fost dawk li kellhom jirrikonoxxu li hekk ġara bit-tbassir tagħhom.

Il-punt iqajjem il-biża’ allura li anke l-aktar pronostki riċenti li jġibulna quddiemna se jkollhom l-istess xorti. It-triq ’il quddiem għad tispiċċa aktar iebsa milli qed jipprevedu.

Il-bużillis hu li l-ġrajja ekonomika li għaddejjin minnha bħalissa hi bla preċedent. Anke meta jsir il-paragun mad-diżastru ekonomiku tas-snin 30 tas-seklu l-ieħor, minnufih ikollu jintqal li l-ġrajjiet ta’ dak id-deċennju, kellhom kawżi u żviluppi kompletament differenti minn ta’ żminijietna.

***

PR

Ir-relazzjonijiet publiċi (l-PR) saru jiddeterminaw wisq x’deċiżjonijiet jittieħdu u kif jittieħdu. Igħidulek li dan parti mill-“marketing” – mill-mod kif “tbigħ” kwalunkwe oġġett jew servizz li jiddependi mill-appoġġ tal-konsumatur bħala xerrej jew bħala ċittadin. L-għajta nofs il-bejgħ.

Dan minnu. Biss fit-tmexxija publika żgur, hemm deċiżjonijiet li ddawwarhom kemm iddawwarhom bil-PR, se jibqgħu jinħassu koroh u jdarrsu. Utli kemm ikunu utli, se jsibu min ifittex li jikseb popolarità jew iqajjem oppożizzjoni, billi jattakkhom bħala deċiżjonijiet ħżiena, stupidi eċċ. Il-mezzi ta’ kumnikazzjoni moderni jservu ħafna aktar minn ta’ qabilhom biex iwasslu ma’ kullimkien il-messaġġ negattiv.

Il-problema tqum meta minħabba li l-PR mhux se jwassal, deċiżjoni meħtieġa imma qarsa tibqa’ ma titteħidx.

***

X’INHUMA R-REGOLI?

Sa ftit ġranet ilu, kont naf (jew mingħalija) xinhuma r-regoli ta’ imġiba li rridu nsegwu fil-publiku u meta nidħlu fi ħwienet, ristoranti eċċ – u l-istess ir-regoli li japplikaw għan-nies li tiltaqa’ magħhom hemm, waiters, bejjiegħa… Regoli dwar id-distanza li trid iżżomm bogħod minn ħaddieħor, fejn u kif trid tilbes maskra f’wiċċek, fejn irid jitnaddaf qabel iservuk…

Issa m’għadnix żgur. Ir-regoli m’għadhomx jiġu osservati minn kulħadd. Anzi f’temp ta’ ftit ġranet, numru sostanzjali ta’ ċittadini u azjendi ma baqgħux josservawhom. Ma jintlibsux maskri tal-wiċċ fi ħwienet, ma jitnaddfux l-imwejjed… Biss imbagħad, hemm postijiet oħra fejn ir-regoli jitħaddmu bl-akbar serjetà.

Imma r-regoli għadhom japplikaw? Għax kien hemm min qal li la l-istat ta’ emerġenza sanitarja ntemm, ir-regoli intemmu miegħu.

Madankollu, l-imxija tal-corona virus għadha qawwija, jekk mhux f’Malta, fil-bqija tal-Ewropa, minn fejn daqt jibdew jaslu fostna nies li qed jgħixu hemm.

Ekonomija

Sport