Wednesday, October 30, 2024

AgriKonsulta: Inizjattiva biex tgħin lill-bdiewa jagħrfu l-mard tal-pjanti

Aqra wkoll

Il-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo nieda s-servizz AgriKonsulta, li se jgħin lill-bdiewa Maltin u Għawdxin sabiex jagħrfu l-mard tal-pjanti u jkunu jistgħu jieħdu l-azzjoni neċessarja u jixtru l-mediċina apposta.

Il-ministru saħaq li din l-inizjattiva tal-gvern, se tkompli sservi ta’ spalla għall-bdiewa biex tgħinhom fil-ħidma tagħhom. “Qed naraw li permezz ta’ din l-inizjattiva, nipprovdu konsulenza lill-bdiewa parteċipanti fuq bażi ta’ każ b’każ. Dan is-servizz qed jiġi offrut minn esperti tekniċi b’esperjenza vasta u qed jiġi ffinanzjat permezz ta’ Fondi Ewropej.”

Huwa temm jgħid kif din l-inizjattiva tifforma parti minn kullana ta’ miżuri oħrajn li qed jimplimentaw f’dan is-settur sabiex ikompli jogħla l-livell u jattiraw aktar nies lejn dan is-settur, speċjalment żgħażagħ.

Id-Direttur għall-Agrikoltura Marco Dimech spjega li l-aċċess għas-sapport u gwida minn esperti huwa element kruċjali għal-avvanz f’kull settur, speċjalment dak tal-agrikoltura. Huwa tenna li permezz tas-servizz AgriKonsulta, l-bdiewa se jkollhom aċċess kontinwu għal esperti kwalifikati sabiex ikunu jistgħu jaċċessaw informazzjoni u pariri fuq il-kultivazzjoni tal-prodotti tagħhom.

“Permezz ta’ din l-inizjattiva, il-bdiewa mhux biss se jiġu assistiti aktar mill-qrib minn esperti, imma se tagħti l-opportunità lill-ħaddiema tekniċi fid-Direttorat li jiġu mentored minn dawn l-esperti bil-għan li fil-futur ikunu jistgħu joffru dan is-servizz lill-bdiewa huma stess,” spjega s-Sur Dimech.

Sport