Tuesday, December 24, 2024

AĦBARIJIET FOLOZ

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Miktub minn ALFRED SANT

Dak li ġara fil-każ tal-allegat attakk f’nofs baħar minn lanċa tal-forzi armati Maltin fuq immigranti rregolari jerġa’ jqajjem mistoqsijiet kbar dwar ir-rwol li qed jieħdu għaqdiet “volontarji” fil-ħajja politika ta’ pajjiżi demokratiċi.

Jien wieħed minn dawk li żammejt sieket dwar l-allegazzjonijiet li saru mill-grupp Republika fost oħrajn. Anke jekk l-esaġerazzjoni li jwaħħlu fil-Prim Ministru għal dak li allegatament ġara mill-bidu dehret stupida. Ħsibt li forsi seta’ kien hemm xi ħadd li bi żball, f’mument ta’ eċitament,  għamel ġest xejn kawt li ġie interpretat ħażin.

Qatt ma stennejt li se jinstab li l-allegazzjonijiet kollha kienu foloz u żbaljati mill-bidu sal-aħħar bħala kwistjoni ta’ fatt. Tal-mistħija.

Jissaħħu s-suspetti fondati dwar kif ċerti għaqdiet volontarji mhuma xejn aħjar minn paraventu għal ħidma politika partiġjana fuq bażi interna. Dan barra milli oħrajn qed jaqdu l-miri tat-traffikanti tal-bnedmin lejn l-Ewropa.

FEELGOOD

Fil-politika moderna, mhux biss ta’ pajjiżna, fattur ewlieni li min imexxi joqgħod attent li jippromwovi hu l-hekk  imsejjaħ “feelgood”. Kemm jista’ jkun l-għan ta’ kull ħidma politika trid tkun dik li jkollok aħbarijiet tajba xi xxandar; b’hekk aktar u aktar nies se jispiċċaw bi tbissima fuq xofftejhom. 

Jekk wieħed iħares lura, se jsib li f’Malta kienu l-amministrazzjonijiet ta’ Dr Fenech Adami li l-ewwel bdew jimxu fuq dan il-kejl. Slogans bħal “Money no problem” dak iż-żmien kienu jagħtu s-sentiment li kull ma kellu jsir biex l-affarijiet jitjiebu kien li l-gvern iroxx il-flus. Minn dak iż-żmien il-modi kif il-politiċi jqanqlu ll-“feelgood” baqgħu jiġu pperfezzjonati. 

Ikollok titħasseb kif qatt se jkun possibbli fil-futur li politikant jagħmel diskors bħal dak li ta Winston Churchill meta ħa l-ħatra fil-bidu tat-Tieni Gwerra Dinjija u ħareġ iwiegħed “demm, xogħol iebes, dmugħ, għaraq”!

TEKNOLOĠIJA TAL-EPIDEMJI

Jekk fhimt tajjeb, l-istrateġija li tħaddmet mad-dinja kollha għal kontra l-pandemija tal-corona virus kellha żewġ linji ta’ attakk: waħda dik medika, ibbażata fuq il-ftit tagħrif li kien hemm għall-bidu dwar l-imxija u fuq metodi kif medikament trażżan l-infezzjonijiet tagħha; u l-oħra matematika, li biha l-progress ta’ epidemija fost il-komunitajiet jiġi nnotat u jinbena f’mudell li jbassar kif l-imxija se tkompli tinfirex.

Dwar tal-aħħar, xi ħadd semmieli li l-mudelli li qed jużaw mad-dinja kollha għadhom mhumiex perfezzjonati u jużaw teknika matematika li qed titwarrab f’riċerka statistika avvanzata a favur ta’ teknika oħra.

Wieħed jittama  li malli tkun ixxejnet din l-imxija, l-mudelli matematiċi li ntużaw għaliha jitqiesu mill-ġdid u kull fejn hemm bżonn, jittejbu. 

Ekonomija

Sport