Saturday, December 21, 2024

“Aħna għelibna l-isfidi, ħaddieħor għotor f’kampanja elettorali”

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Quddiem folla kbira li nġabret fl-MFCC f’Ta’ Qali għall-mass rally tal-Partit Laburista fl-aħħar Ħadd tal-kampanja elettorali, il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela ddikjara li bil-vot ta’ kull wieħed u waħda minna fl-elezzjoni tas-Sibt li ġej, irridu nagħżlu ċ-ċertezza u l-istabbilità.

Huwa qal li bil-vot tagħna rridu nerġgħu nuru dak l-ispirtu ta’ Tim Malta. Lil dawk li s-Sibt li ġej beħsiebhom jibqgħu d-dar u ma jmorrux jivvutaw, il-Prim Ministru talabhom jerġgħu jaħsbuha. Lil dawk li diġà konvinti li se jappoġġjaw lill-PL, appellalhom sabiex iħeġġu lil dawk li għadhom ma ġabrux il-vot biex imorru jagħmlu dan. 

“Magħna taf fejn qiegħed. Ma’ ħaddieħor ma tafx fejn qiegħed,” qal Abela. “Mela ejja nagħżlu l-futur. Ejja nagħżlu edukazzjoni aqwa. Ejja nagħżlu aktar spazji ħodor u ambjent aħjar. Ejja nagħżlu ħolqien ta’ ġid li jinfirex fost kulħadd. Flimkien naslu. Flimkien mal-pensjonanti, maż-żgħażagħ, mal-istudenti, man-negozji u mal-ħaddiema. Malta flimkien. Il-futur sabiħ. Il-futur tiegħek.” 

L-importanza tal-għaqda

Fid-diskors tiegħu, Dr Abela tkellem dwar l-importanza tal-għaqda, li wasslet biex Gvern Laburista kien f’pożizzjoni li flimkien jagħti direzzjoni lil pajjiżna meta faqqgħet il-pandemija.

Fakkar kif ftit aktar minn sentejn ilu, il-membri tal-Partit Laburista, għażluh biex imexxi lill-PL. Qal li dawn l-aħħar sentejn kienu kkaratterizzati minn sfidi u deċiżjonijiet fejn “flimkien ma’ sħabi tajna l-enerġija kollha tagħna għal pajjiżna.”

Qal li ħamest ijiem oħra se jitlob mingħand il-poplu Għawdxi u Malti biex jisilfuh għall-ewwel darba l-istess fiduċja li silfuh il-membri tal-PL. “Dik ta’ Diċembru tal-2019 u dik tal-lum, huma żewġ kampanji totalment differenti. Imma hemm ħaġa waħda komuni – l-Għaqda.”

“Meta ftit tal-ġimgħat ilu fissirt lill-Kabinett u l-grupp parlamentari għaliex ridt li mir-Rebbiegħa rridu nidħlu f’fażi ġdida, kont mimli fiduċja għax dik il-fażi kellna pjan ċar ta’ kif irriduha tkun. Il-pjan li qed naqsam magħkom, ta’ kuljum. Għeni – u għeni mhux ftit – il-fatt li bħala pajjiż konna flimkien. Fhimna lil xulxin u għamilna s-sagrifiċċju għal xulxin… Aħna parti minn familja. Il-familja Ewropea! U l-familja Maltija!”, saħaq il-Prim Ministru u Mexxej Laburista.

Huwa qal li għalhekk li nistgħu nħarsu lejn il-futur b’ottimiżmu. “Inkunu aktar b’saħħitna meta nkunu magħqudin bħala pajjiż, naħdmu għall-għaqda u ma nħallux lil min jifridna. Għax aħna pajjiż wieħed flimkien.”

“Fil-mument tal-prova urejna l-kalma, il-kontroll u l-kompetenza”

“Dak li għaddejna minnu juri għaliex tistgħu tafdawna fil-futur. Fil-mument tal-prova urejna l-kalma, il-kontroll u l-kompetenza u dak li se nibqgħu noffru għaż-żmien li ġej,” kompla jgħid Dr Abela.

Semma li min qiegħed f’paniku għax lanqas jaf x’suppost qed jipproponi huwa stess, reġa’ pprova jdaħħal l-inċertezza fin-negozji. Reġa’ wera li jinteressah biss mill-poter u mhux mis-serħan il-moħħ tal-ħaddiema u n-negozji.

“Għalhekk nistaqsi lilkom min jaġixxi f’paniku tista tafdah? Min għax politikament iddisprat u jrid jilgħab bl-għajxien tiegħek tista’ tafdah? Hawn min għotor taħt pressjoni ta’ erba’ ġimgħat kampanja elettorali u aħna b’pandemija ta’ sentejn, mhux talli m’għotornix talli ksibna r-riżultati. Ħloqna x-xogħol u ġibna aktar investiment. Insaqsikom ukoll lesti tafdaw lil min lanqas kontroll tal-partit tiegħu għandu?”.

“Il-kalma u l-kontroll iġġibhom bil-kompetenza.Fl-aħħar sentejn urejna kemm għandna tim kompetenti biex imexxi l-pajjiż ‘il quddiem. Pjan ta’ ħames snin għall-edukazzjoni, ambjent isbaħ u aħjar. Pjan wieħed u serju. Pjan li nafu kemm se jiswa u kif se nwettquh,” qal il-Prim Ministru.

“Għażla dwar x’futur se tagħtu lil uliedkom”

Quddiem dan kollu, huwa qal li dik tas-Sibt li ġej hi għażla dwarkom ukoll, għażla li ma jkunx għaqli li taħslu jdejkom minnha. “Hi għażla dwar x’futur se tagħtu lil uliedkom. Lydia u jien irridu għat-tfal Maltin u Għawdxin kollha dak li rridu għal Giorgia u se naħdmu kemm nifilħu għalihom,” saħaq il-Prim Ministru. 

Tenna li din il-kampanja elettorali, il-Partit Laburista daħal għaliha bħala missjoni, f’isem il-familji bieżla Maltin. “Intom il-familji tinsabu fil-qalba tal-elf proposta li qed inressqu ‘l quddiem għall-futur ta’ pajjiżna. 

“Aħna rridu nkunu hemm għalikom u mhux intom għalina. Għalhekk nedejna l-garanzija għat-tfal kollha tal-pajjiż biex mit-twelid ‘il quddiem kulħadd ikollu l-istess opportunità. Qed inġibu lejn pajjiżna investiment minn madwar id-dinja f’setturi differenti u rridu li t-tfal tagħna jkunu lesti biex jaħtfu l-opportunitajiet.”

Ma naqasx milli jsemmi t-tnaqqis fit-taxxi, li jfissru €90 miljun li se jibqgħu fil-bwiet tal-familji Maltin u Għawdxin ta’ kull sena. Min-naħa l-oħra, l-akbar impenn li qed jagħmel il-PL hu li jinvesti aktar fl-ambjent. “Irridu nieħdu ħsieb dak li għandna u noħolqu aktar spazji fejn tista’ tieħu pjaċir. Għalhekk li se niddedikaw €700 miljun f’seba’ snin.”

Dr Abela żied jgħid: “Għinuna biex dan kollu nagħmluh realtà. L-għażla hi ċara. Jekk minn din ir-rebbiegħa nidħlux f’fażi ġdida magħqudin bħala pajjiż jew jekk nirriskjawx li mmorru lura għat-tmexxija ta’ partit maqsum, ta’ oppożizzjoni li l-unika konsistenza tagħha hi li topponi f’kollox. 

“Min ma jgħixx għall-bidla, m’għandux ikun fdat bit-tmexxija tal-pajjiż. Jekk temmnu għax tafu li l-Oppożizzjoni tal-lum ma tistax tmexxi lill-pajjiż, tibqgħux id-dar, tħallux il-futur tagħkom f’idejhom. Għażlu l-elf proposta li rridu nibdlu f’elf kisba. Elf proposta bla kundizzjonijiet ħlief waħda li trid tivvota għalihom.

“Qed jipprovaw jgħidulkom li l-vot tagħkom mhux importanti. Mhu vera xejn. Biex tiddetermina l-futur ta’ pajjiżek il-vot trid tixħtu int u mhux jixħtu ħaddieħor għalih. U biex il-familja u l-pajjiż jaqtgħu l-frott ta’ dak li qed nipproponu trid tivvota għall-Partit Laburista. 

“Qed nipproponu ħafna affarijiet imma hemm sigriet wieħed jekk irridu nibqgħu mexjin ‘il quddiem. L-għaqda. Stennew li se jagħmlu l-aħħar sforz biex jifirdu lill-pajjiż. Aħna nibqgħu pożittivi. Nibqgħu nġibu lin-nies qabel il-politika partiġġjana. Il-familja qabel il-pika,” tenna l-Prim Ministru.

Ekonomija

Sport