Tuesday, December 24, 2024

“Aħna lkoll uniċi, kollha differenti u kulħadd għandu l-abbiltajiet tiegħu’’

Graziella Bartolo Pizzuto, omm ta' tifla bid-Down's Syndrome

Nirayl Grech
Nirayl Grech
Ġurnalista

Aqra wkoll

Fis-soċjetà tal-lum kulħadd għandu jaċċetta d-differenza ta’ kull individwu, għaldaqstant il-ġenituri tat-tfal tipiċi li ma għandhom l-ebda kundizzjoni għandhom jgħallmu lit-tfal tagħhom id-dar stess, li ma hemm xejn ħażin li persuna tkun differenti minn oħra. Permezz ta’ dan it-tagħlim, is-soċjetà titgħallem iktar li kulħadd għandu jiġi aċċettat kif inhu, irrelevanti mill-kundizzjoni tiegħu.

Graziella Bartolo Pizzuto, omm iċ-ċkejkna Faith qalet dan f’intervista li kellha ma’ Talk.mt. Hi spjegat li x-xewqa tagħha hi li tara lil bintha ta’ tlett snin u nofs li għandha down syndrome, issir tfajla u tkun aċċettata minn kulħadd fis-soċjetà. Minkejja li tipprova timxi ġurnata b’ġurnata u tħalli lil Faith fil-libertà biex tagħżel dak kollu li tħobb, l-omm stqarret li kultant taħseb ħafna fuq il-futur ta’ Faith.

Ġieli tistaqsi lilha nnifisha, meta Faith tispiċċa l-iskola u ssir tfajla, in-nies kif se jibqgħu jħarsu lejha. Ix-xewqa tagħha hi li ma tixtieqx li lil Faith jiggustawha għax għandha Down Syndrome, iżda tixtieq li jitrattawa bħal kull tfajla oħra. Dawn huma wħud mill-mistoqsijiet li ssaqsi lilha nnifisha; Sħabha ħa jfittxuha bħal ma qegħdin ifittxuha issa? Ħa jibqgħu joħorġu magħha? Ħa jibqgħu jieħdu pjaċir fil-kumpanija ta’ Faith?

“Faith hija tifla li ġġiegħel lin-nies jitbissmu’’

L-omm spjegat li minkejja li t-tifla tagħha għandha l- kundizzjoni tad-Down’s Syndrome, Faith għandha karattru ferrieħi ħafna. Hija tifla li x’ħin tidħol ġo kamra, iġġiegħel lin-nies jitbissmu għax jirnexxielha tqanqal tbissima fuq fomm kulħadd. Żiedet tgħid li jekk il-ġenituri jkollhom ġurnata ħażina, jew ikunu għaddejjin minn fażi diffiċli, Faith tinduna u jirnexxielha tbiddel il-burdata ta’ kulħadd.

“Bħala ġenituri aħna nippruvaw ngħixu ħajja pjuttost normali’’

Graziella spjegat li l-irwol tal-ġenituri huwa essenzjali. Minħabba f’hekk, hi u r-raġel tagħha jippruvaw jgħixu l-ħajja bl-iktar mod normali. Fil-ġranet meta Faith ma jkolliex skola, tipprova tinvolviha f’attivitajiet li ma għandhom x’jaqsmu xejn mal-kundizzjoni ta’ binthom. Is-safar huwa għal qalb il-ġenituri ta’ Faith u għalhekk għandhom pjanijiet futuri li jsiefru u jiksbu esperjenzi barra maċ-ċkejkna binthom.

Faith m’ommha u ma’ missierha

Minkejja dan kollu, l-omm qalet li fil-ħajja ta’ kuljum ikollhom idaħħlu ħafna affarijiet. Spjegat li jkollhom diversi appuntamenti l-isptar u għalhekk ikollhom jirranġaw minħabba li ż-żewġ ġenituri jaħdmu.

Minħabba l-kundizzjoni tagħha, Faith ikollha ħafna terapiji matul il-ġimgħa. Stqarret li t-terapiji mhumiex diffiċli biss għalihom bħala ġenituri, iżda wkoll għall- Faith billi jkollha tfalli ħafna skola u apparti hekk qed taħli ħafna enerġija fit-terapiji u minflok tispiċċa tilgħab u tiekol, ikun għad fadlilha iktar xogħol minħabba sezzjonijiet oħra ta’ terapija.

Minkejja li l-ġimgħa tkun mimlija daqs bajda, l-omm spjegat kif irnexxielha taddatta għal ħajja ta’ kuljum. Barra minn hekk saħqet li hi tipprova tagħmel minn kollox biex tara lil bintha Faith kuntenta.

Ekonomija

Sport