Wednesday, April 24, 2024

JEKK L-INFLAZZJONI TITWAL

Alfred Sant
Alfred Sant
Membru Parlamentari Ewropew

Aqra wkoll

L-istrateġija tal-gvern biex jilqa’ għall-għoli fil-prezzijiet tal-enerġija hi ċara. Qed jassorbi hu ż-żidiet fil-prezzijiet biex iżommhom stabbli. Il-gvern jista’ jagħmel dan għax fl-aħħar snin, l-ekonomija rrankat bil-kbir u b’hekk tiflaħ livelli ogħla ta’ dejn. Għandha spazju finanzjarju tajjeb biex minnu tiffinanzja n-nefqa li qiegħda ssir.

L-istrateġija tagħmel sens u qed tirnexxi. L-inflazzjoni fil-pajjiż inżammet taħt kontroll.

Problemi jqumu jekk jibqa’ jitwal iż-żmien li matulu l-għoli tal-prezzijiet jirrenja internazzjonalment. Sfortunatament, il-gwerra fl-Ukrajna ma jidhirx li se tintemm malajr. Wara li l-effetti tal-pandemija Covid battew, il-gwerra qed tkun il-kawża ewlenija għall-inflazzjoni. Minn hawn li ġejjin it-twissijiet biex Malta tħejji min issa kif se tibdel l-intervent tagħha għal kontra l-għoli tal-ħajja minn wieħed li kulħadd jibbenefika minnu għal wieħed li japplika għal dawk li huma minn taħt.

L-ITTURUFNATI U L-FAXXIŻMU

Inċident fl-istorja politika Maltija li baqa’ jissemma hu l-itturufnament ta’ numru ta’ Maltin, uħud minnhom fost l-ewlenin fis-soċjetà ta’ żmienhom. Dan ġara f’Malta kolonja, waqt it-Tieni Gwerra Dinjija. L-itturufnati, bla proċess ġudizjarju validu, tqiesu bħala theddida għal Malta fortizza fi żmien ta’ gwerra.

Ħafna minnhom kienu “favur” il-kultura Taljana. Oħrajn jintqal li kellhom simpatiji faxxisti.

Li għadu mhux ċar (talanqas għalija) hu jekk dawk involuti kinux jifhmu u jaqblu sal-aħħar mal-faxxiżmu. X’kienu l-ideat tagħhom dwar il-fehmiet faxxisti favur l-imperjaliżmu? dwar il-persekuzzjoni ta’ min kien anti-faxxist?

Mhumiex mistoqsijiet inutli. Fl-istess żmien li l-Maltin pro-Italja kienu qed jiġu mistħarrġa, l-Knisja Kattolika fost oħrajn, kienet tqis il-fenomenu tal-faxxiżmu, b’Mussolini b’kollox, bħala “providenzjali”.

Fejn kienet tieqaf f’dak iż-żmien id-differenza bejn li tkun favur il-kultura Taljana u favur il-faxxiżmu?

JITĦALLAS DOPPJU

L-iskandli dwar kemm jaqilgħu l-politiċi ma jqumux biss f’Malta. Qed jaffaċċja kritika dwar hekk mill-istess grupp tiegħu l-mexxej tal-Partit tal-Popolari fil-Parlament Ewropew Manfred Weber. L-akkuża hi li qed jitħallas doppju: bħala membru tal-Parlament; u bħala mexxej tal-Partit Ewropew tal-Popolari.
Min kien qablu jmexxi l-Partit Ewropew tal-Popolari kien jitħallas; hu baqa’ jirċievi dak li ta’ qablu kienu jirċievu. Bid-differenza li ta’ qablu ma kinux ukoll membru tal-Parlament Ewropew, kif inhu hu.

Il-lemin “tradizzjonali” Ewropew jinsab taħt pressjoni ta’ tip ġdid. Minn naħa tilef il-qawwa governattiva li kellu fil-Ġermanja, Franza u Spanja; min-naħa l-oħra, hu l-lemin “estrem” li qed jagħmel rimonta. Weber jidher li hu fost dawk li jridu jqarrbu lejn il-leminin “estremi” biex isalvaw il-predominanza politika li l-lemin “tradizzjonali” gawda għal żmien twil til-Parlament Ewropew. L-istorja ta’ salarju doppju mhijiex tgħin il-kredibilità tiegħu.

Sport