Saturday, May 4, 2024

Minn nhar is-Sibt se jibdew jitqassmu l-voti għall-elezzjonijiet tal-PE u l-kunsilli lokali

Aqra wkoll

Il-Kummissjoni Elettorali qed tavża lill-eletturi kollha ta’ Malta u Għawdex li isimhom jidher fl-aħħar Reġistru Elettorali ppubblikat, jiġifieri dak tal-20 ta’ April 2024, suġġett għal żidiet, tnaqqis jew korrezzjonijiet ordnati mill-Uffiċjal Reviżur, li uffiċjali tal-Pulizija se jibdew iqassmu d-dokumenti għall-votazzjoni minn nhar is-Sibt, 27 ta’ April, 2024.

It-tqassim se jsir kuljum bejn it-8.00am u s-1pm u bejn it-3pm u d-9pm sa nhar il-Ġimgħa l-10, jew is-Sibt, il-11 ta’ Mejju, 2024, skont id-distretti elettorali.

Il-Kummissjoni Elettorali qalet li huwa ta’ ħtieġa li fid-dar ikun hemm xi persuna responsabbli u li ma tkunx taħt is-16-il sena biex tirċievi u tiffirma għad-dokumenti għall-votazzjoni.

Waqt it-tqassim tad-dokumenti għall-votazzjoni l-pubbliku ser jintalab jikkonferma li jkun irċieva d-dokument/i billi jiffirma fuq il-mobile pprovdut mill-uffiċjal tal-Pulizija, minflok il-ktejjeb li kien jintuża qabel.

Il-ligi elettorali tippermetti li rappreżentanti tal-partiti politiċi jakkumpanjaw lill-uffiċjali tal-Pulizija waqt it-tqassim ta’ dawn id-dokumenti.

Dawn se jkunu provduti b’biljett ta’ awtorizzazzjoni maħruġ mill-Kummissjoni Elettorali sabiex jintwera meta jkun hemm il-ħtieġa.

Id-dokumenti għall-votazzjoni għandhom jinżammu f’post fejn wieħed isibhom għax mingħajrhom ħadd ma jkun jista’ jivvota f’jum il-votazzjoni.

Sadanittant, il-Kummissjoni Elettorali avżat lill-partiti politiċi rreġistrati u lill-kandidati indipendenti li se jikkontestaw l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew u għall-kunsilli lokali li għandhom sas-7pm ta’ nhar is-Sibt 27 ta’ April, 2024, biex jissottomettu lill-Kummissjoni Elettorali lista u l-applikazzjonijiet relevanti ta’ persuni li jixtiequ jinnominaw bħala Assistenti Kummissjonarji, persuni għall-għadd tal-voti u aġenti tal-partit.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport