Monday, May 13, 2024

AĦNA U L-ANNIMALI

Alfred Sant
Alfred Sant
Membru Parlamentari Ewropew

Aqra wkoll

Il-bnedmin draw jikkunsidraw lill-annimali li jgħixu fl-istess dinja tagħhom bħala li qiegħdin hemm biex jaqduhom. Meta titlaqa’ ma’ min jikkontesta dil-ħaġa, kif ġrali dan l-aħħar, issib viżjoni tal-ħajja madwarna kompletament differenti. Xi ftit jew wisq, theżżek bla ma trid.

Għax filfatt m’hemm xejn preordnat fil-mod kif jiżviluppaw l-affarijiet li bilfors il-bniedem għandu jsaltan fuq il-bqija tal-bhejjem. Fi żmien id-dinosawri, żgur mhux hekk ġara. L-arranġamenti ta’ dak iż-żmien inbidlu, mhux għax il-bniedem kien superjuri, imma għax kometa laqtet lid-dinja u bidlet il-klima għal eluf ta’ snin, b’dannu totali għall-bhejjem li kienu minn fuq.

Waqt li l-lum hemm saltni moħbija fid-dinja tal-animali li qed jistennew li jiġi ċ-ċans tagħhom biex ikunu minn fuq, fosthom in-nemel u l-wirdien. Kollha kunsiderazzjnijiet dawn mid-dehra, li għandhom iwasslu biex il-bneidem iqis lill-annimali sħabu bħala responsabbli miegħu u daqsu fit-tmexxija tal-pjaneta. Problema hi kif għandha titmexxa l-konsultazzjoni magħhom dwar dil-materja xejn ċkejkna.

IL-KWISTJONI TAN-NEWTRALITÀ

Li bħala pajjiż newtrali nfittxu li noqogħdu lura mill-ħidma politika għaddejja fl-Unjoni Ewropea biex jiddaħħlu miżuri ta’ ħidma militari hi ħaġa li tmur skont il-kostituzzjoni Maltija u skont l-interess nazzjonali tagħna. Meta l-pajjiż issieħeb fl-Unjoni Ewropea l-idea li din se tispiċċa alleanza militari ma kien prospettat bl-ebda mod.

Min-naħa l-oħra, hu kompletament fid-dritt ta’ membri tal-Unjoni li jissieħbu f’għaqda militari jekk iqisu li dan hu fl-interess tagħhom. Jekk jiddeċiedu li jibdlu l-Unjoni Ewropea f’alleanza militari l-għodod istituzzjonali eżistenti jistgħu jitwasslu lejn deċiżjonijiet li jmorru f’dan is-sens. Din mhijiex it-triq ideali. L-għaqda militari li qed titħassel messha qed tinbena permezz ta’ strutturi diplomatiċi separati.

Qed issir il-wegħda li fl-iżvilupp ta’ politika ta’ difiża fi ħdan l-Unjoni Ewropea, l-interessi u pożizzjonijiet tal-pajjiżi newtrali jiġu salvagwardjati. Milli sar sa issa ma jidhirx li dil-wegħda tfisser wisq.

JIMXU …

Fl-aħħar snin, il-bnedmn bidlu għal kollox il-mod li bih jimxu u jiċċirkolaw fit-toroq u fil-pjazez. Il-fenomenu tarah iseħħ ma’ kullimkien, f’Malta daqskemm fi Brussell.

Illum wieħed jimxi billi jżomm f’idu l-mobajl u jaqra minnu jew itektek fih jew jitkellem miegħu hu u javvanza. Il-ħarsa ta’ min ikun miexi tinżamm ’l isfel lejn il-mobajl u sta għal min ikun miexi f’sens kuntrarju biex jinnaviga ħalli ma jaħbtux. Imma aktar iva milli le, dan ukoll isir b’ħarstu ffissata lejn il-biċċa telefown.

Ġieli tgħaddi minn triq u u minn għexieren ta’ nies riesqa lejk, xi tnejn jew tlieta biss ikunu b’ħarsithom ’il quddiem lejn fejn mexjin.

Sport