Tuesday, April 23, 2024

Air Malta Aviation Services tikkordina titjira umanitarja b’appoġġ lejn dawk milqutin mill-isplużjoni f’Bejrut

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Fl-isfond li Bejrut għadu qed ibati l-konsegwenzi tal-isplużjoni qawwija li twettqet ix-xahar li għadda, saret titjira speċjali umanitarja mill-Kaptan Charles Pace minn CAD Malta b’kollaborazzjoni ma’ Aviation Malta kif ukoll mal-Air Malta u l-Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Negozji Żgħar. 

Kienu bosta l-kumpaniji Maltin li resqu ‘l quddiem bid-donazzjonijiet tagħhom kif ukoll sabiex jagħtu l-għajnuna tagħhom. Oħrajn ħadu l-opportunità li jagħtu assistenza finanzjarja , jew billi taw affarijiet neċessarji kif ukoll servizzi ta’ loġistika. 

B’kordinament mal-Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Negozji Żgħar, l-AirMalta Aviation Services li taqa’ taħt l-istess Ministeru ħadet ħsieb li tipprovdi s-servizzi neċessarji għal din it-titjira umanitarja. Aktar minn 50 tunnellata ta’ merkanzija li kienet tikkonsisti f’ikel, mediċina u tagħmir inġiebu fil-faċilitajiet tal-AAS. Għal dan AAS ħadet ħsieb il-preparazzjonijiet meħtieġa fosthom il-bini tal-palits li twettaq mill-ħaddiema responsabbli mill-merkanzija fi ħdan l-AAS kif ukoll sar l-iskrinjar tas-sigurtà tal-oġġetti kollha li ġew mirċieva filwaqt li t-tagħbija kollha saret mis-sezzjoni tar-rampa. L-attivitajiet kollha kienu kkoordinati mid-dipartiment tad-diviżjoni tal-art sabiex jassiguraw titjira sigura. 

L-għajnuna li ngħatat lill-vittmi tal-isplużjoni f’Bejrut kien sinifikanti u li għaliha bosta kienu l-persuni li taw sehem tagħhom bil-għan li jtaffu l-konsegwenzi li qed iħabbtu wiċċhom magħhom il-poplu ta’ Bejrut. Għalkemm iż-żewġ pajjiżi huma bogħod minn xulxin, din it-titjira kienet ta’ pont ta’ għaqda u appoġġ fejn AAS uriet l-impenn tagħha lejn għajnuna u responsabbilitajiet soċjali biex din it-titjira setgħet tkun waħda ta’ suċċess. 

Il-Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Negozji Żgħar Silvio Schembri rringrazzja lill-ħaddiema kollha fi ħdan l-AAS għall-ħidma u l-impenn tagħhom għal din il-kawża ġusta.

Sport