Friday, November 29, 2024

“Skola tal-aqwa livell li tixraq lil uliedna” … Inawgurata skola ġdida fil-Qawra

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru Robert Abela għadu kif inawgura skola ġdida fil-Qawra fejn qal li huwa jum tassew sabiħ għall-komunità kollha tal-Qawra u San Pawl il-Baħar. Huwa qal li l-ftuħ ta’ din l-iskola se jkun ifisser li l-istudenti li ta’ din iż-żona, li llum nafu kemm kibret, se jkollhom skola ġdida attrezzata bl-aqwa mod u li tilqa’ għall-ħtiġijiet kollha.

Din l-iskola, li kienet possibbli wara investiment kbir ta’ €13-il miljun se jkollha 39 klassi mgħammra bl-arja kundizzjonata u lifts għal aktar aċċessibilità, sala li tkun tista’ tintuża għal għanijiet differenti u faċilitajiet sportivi fuq barra u ġewwa. Is-sala u l-faċilitajiet sportivi għandhom ukoll entraturi separati biex ikunu jistgħu jintużaw mill-komunità wara l-ħinijiet tal-iskola. Il-Prim Ministru qal li din l-iskola tal-aqwa livell hija waħda li verament tixraq lil uliedna li se jibdew jieħdu l-edukazzjoni tagħhom minn hawn.

Il-Prim Ministru assigura li l-edukazzjoni se tibqa’ prijorità assoluta għal dan il-gvern u fakkar li din l-inawgurazzjoni qed issir proprju fiż-żmien fejn l-istudenti qed jirritornaw lura l-iskola wara diversi xhur ‘il bogħod mill-istituzzjonijiet. Huwa fakkar li l-gvern kien fi djalogu kontinwu mal-imsieħba fil-qasam biex fl-aħħar mill-aħħar jassiguraw li tingħata l-aħjar edukazzjoni minkejja ċ-ċirkostanzi partikolari li ninsabu fiha.

Il-Prim Ministru qal li, “l-edukazzjoni hija importanti mhux biss għax hija parti kruċjali miċ-ċavetta tal-mobilità soċjali, iżda anke għax permezz tal-edukazzjoni, il-pajjiż ikollu ħaddiema imħarġa skont id-domanda tas-suq tax-xogħol. B’hekk inkunu nistgħu nikbru u niżviluppaw.”

Preżenti għall-inawgurazzjoni kien hemm il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Owen Bonnici fejn qal li l-iskola, li se tkun qed tiftaħ il-bibien tagħha għall-istudenti minn nhar l-Erbgħa, se tkun qed tesa’ aktar minn 600 tifel jew tifla u li din se tikkumplimenta l-iskola ta’ San Pawl il-Baħar li se tibqa’ miftuħa. 

Huwa spjega li din l-iskola fiha madwar 40 klassi li huma kollha mgħammra b’għamara moderna, iddisinjata biex it-tfal jieħdu gost flimkien. Il-klassijiet se jkunu mgħammra b’faċilitajiet sanitarji u b’hekk se jkun qed jiġi evitati li t-tfal joħorġu mill-klassi waqt il-lezzjonijiet.

Il-Ministru Bonnici spjega li kull klassi se jkollha interactive whiteboard kif ukoll l-arja kkundizzjonata. Apparti minn hekk, il-Ministru Bonnici qal li l-iskola fiha wkoll librerija, kindergarten, ċentru għall-ħarsien tat-tfal u faċilitajiet sportivi, filwaqt li qal li l-iskola hija kompletament aċċessibbli għal kulħadd inkluż dawk li għandhom problema ta’ mobilità fiżika. Il-proġett jinkludi wkoll il-faċilitajiet ta’ parkeġġ,  fejn inbena parkeġġ ta’ żewġ sulari li jesa’ madwar 400 vettura.

Il-Ministru Bonnici fost l-oħrajn tkellem ukoll dwar kif ftit jiem oħra se tkun qed tiġi inawgurata l-estenzjoni maġġur tal-iskola sekondarja taż-Żejtun u li qabel l-aħħar ta’ din is-sena se jinawguraw ir-restawr sħiħ tal-iskola tal-arti li tinsab l-Belt. 

Sport