Saturday, December 21, 2024

Ajruplan ta’ Ryanair li kien qiegħed jipprepara għat-tluq jieħu n-nar fi Brindisi

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Biża’ u paniku ħakem lil għadd ta’ passiġġieri fuq ajruplan tar-Ryanair fl-ajruport Taljan ta’ Brindisi. Dan kien skedat għal titjira lejn Turin. L-ajruplan b’184 persuna abbord kien qiegħed jipprepara għat-tluq meta fjamma qawwija ħadet f’daqqa. Fortunatament dawk abbord huma rrapportati li ġew evakwati qawwijin u sħaħ.

L-inċident li seta’ kellu konsegwenzi serji seħħ fit-8.35 ta’ dalgħodu. Dan ma jawgura xejn tajjeb għar-reputazzjoni tal-linja tal-ajru popolari Ryanair hekk kif fl-Italja stess, jumejn ilu, ajruplan ieħor splodewlu żewġ tires meta kien fuq ir-runway ta’ Bergamo, fl-ajruport ta’ “Orio al Serio”.

Rapporti qalu li dan l-inċident wassal għall-evakwazzjoni immedjata tal-passiġġieri abbord li kienu se jivvjaġġaw minn Brindisi għal Turin. In-nar jidher li beda f’waħda mill-makni tal-ajrupan meta kien proprju qiegħed jipprepara biex jitlaq.

Għal raġunijiet ta’ sigurtà twaqqaf l-operat tal-ajruport inkwistjoni u ttieħdet azzjoni immedjata billi l-ajruplan tbattal malajr kemm jista’ jkun. Il-passiġġieri ttieħdu lura fil-binja tal-ajruport. Fuq il-post intervjenew il-ħaddiema tat-tifi tan-nar u kull inżul jew tluq mill-imsemmi ajruport ġew sospiżi.

Min-naħa tagħha l-amministrazzjoni tal-ajruporti ta’ Puglia infurmat li wara li seħħet problema teknika f’wieħed mil-ajruplani li kien fuq ir-runaway jipprepara għat-tluq, kien meħtieġ li tissospendi t-titjiriet ġejjin u sejrin mill-ajruport ta’ Salento ta’ Brindisi.

Żiedu li, “l-inġiniera tal-kumpanija qegħdin jaħdmu biex jiżguraw li l-ajruporti ta’ Puglia jkunu jistgħu jerġgħu jibdew bl-operat tagħhom. Kollox tmexxa bl-aqwa prattiċi ta’ sigurtà u l-passiġġieri jinsabu tajba”.

Ekonomija

Sport