Raġel magħruf bħala “Russian Tinder Swindler” qed jinżamm arrrestat wara li allegatament imbrolja ammont sostanzjali ta’ flus mingħand 300 mara differenti.
Fl-1 ta’ dan ix-xahar il-Pulizija ta’ San Pietruburgu rnexxielhom jaqbdu lil Dmitry Frolov, raġel ta’ 42 sena, li għal numru ta’ snin vjaġġa f’diversi żoni fir-Russja b’dokumenti u ismijiet foloz. Huma rnexxielhom iwettqu l-arrest wara li mxew fuq informazzjoni li ngħatatilhom mingħand persuna ta’ 31 sena li qalet illi kienet waħda min-nies li ngidmu minnu.
Minn investigazzjonijiet li saru s’issa jidher li allegatament Frolov għal 10 snin sħaħ għex ħajja lussuża minn fuq il-vittmi tiegħu. Dan wara li nqeda b’dating app fejn lagħab il-parti “tar-raġel ideali” u rnexxielu jaħtaf miljuni ta’ rubles minn madwar 300 mara li waqgħu fin-nassa tiegħu.