Friday, April 19, 2024

Putin jgħid li l-pjan taċ-Ċina jista’ jwassal għall-paċi … jekk l-Ukrajna tbaxxi rasha

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Aktar minn sena wara l-bidu tal-invażjoni Russa fl-Ukrajna, ftit li xejn żdiedet it-tama ta’ tmiem ta’ din il-gwerra. Fl-aħħar sigħat il-President Ċiniż Xi Jinping iltaqa’ mal-President Russu Vladimir Putin f’Moska, iżda fl-ewwel reazzjoni tiegħu, Putin ftit wera bidla fil-ħsieb tiegħu.

Putin qal li l-pjan taċ-Ċina għall-Ukrajna jista’ jkun il-bażi tat-tmiem tal-gwerra, iżda li dan jista’ jitmexxa ’l quddiem biss bl-approvazzjoni ta’ Kyiv u l-Punent”.

Il-pjan taċ-Ċina, li kien ippubblikat ix-xahar li għadda ma jsejjaħx espliċitament li r-Russja għandha toħroġ mill-Ukrajna. Barra minn hekk l-Ukrajna qiegħda tinsisti li r-Russja kellha tirtira mit-territorji tagħha bħala waħda mill-kundizzjonijiet biex jiddiskutu, iżda s’issa m’hemm l-ebda sinjal li r-Russja lesta taċċetta din il-kundizzjoni.

Min-naħa tiegħu l-President Ċiniż qal li l-gvern tiegħu kien favur il-paċi u d-djalogu u li pajjiżu kien “fuq in-naħa t-tajba tal-istorja”. Sostna mill-ġdid li ċ-Ċina kellha “pożizzjoni imparzjali” fil-kunflitt u li l-kapitali ta’ pajjiżu qiegħda tfittex li tkun iċ-ċavetta tal-paċi bejn iż-żewġ naħat.

Iċ-Ċina u r-Russja ddiskutew ukoll il-kummerċ, l-enerġija u r-rabtiet politiċi li qed jikbru bejn iż-żewġ pajjiżi.

Sport