Sunday, December 22, 2024

“Aktar flus fil-but, ifisser aktar infiq fl-ekonomija tagħna”

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Il-GWU pożittiva dwar il-pakkett ta’ €70 miljun imħabbar mill-Gvern

Bħala għajnuna biex tkun riġenerata l-ekonomija f’pajjiżna wara sentejn ta’ pandemija globali tal-Covid-19, il-Gvern ħabbar għajnuna finanzjarja lill-poplu f’pakkett uniku ta’ fond li se jammonta għal total ta’ €70 miljun. Din l-għajnuna f’forma ta’ ċekk ta’ €100 lil kulħadd, mentri l-anzjani u l-vulnerabbli se jingħataw id-doppju (€200), tinkludi wkoll estensjoni ta’ sena tar-refużjoni fit-taxxa li hija ta’ bejn €60 u €140. B’reazzjoni għal dan is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union (GWU), Josef Bugeja, qal li dawn iż-żidiet trid tħares lejhom f’kuntest ta’ pandemija u li b’dawn il-flus, bħalma ġara fil-każ tal-vawċers, se jkun hemm impatt fuq is-settur tar-retail u tal-ospitalità. 

“Il-Gvern qiegħed ikompli juri ruħ soċjali għax qiegħed jgħin aktar lil dawk li huma l-aktar vunerabbli fis-soċjetà tagħna”

Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja

“Aktar flus fil-but, ifisser aktar infiq fl-ekonomija tagħna. Iż-żieda fiċ-ċekk tar-rifużjoni tat-taxxa u ċekk addizzjonali lill-ħaddiema, pensjonanti, persuni fuq il-benefiċċji soċjali u studenti hija żieda f’disposable income, li tfisser cash injection diretta fl-ekonomija interna. Apparti minnhekk il-Gvern qiegħed ikompli juri ruħ soċjali għax qiegħed jgħin aktar lil dawk li huma l-aktar vunerabbli fis-soċjetà tagħna,” spjega Bugeja.

Appart dawn is-€70 miljun, is-Segretarju Ġenerali tal-GWU fakkar li l-ġimgħa li għaddiet il-Gvern ħabbar ukoll tnaqqis fit-taxxa fuq il-part time u l-overtime; żieda fil-benefiċċju tal-In Work Benefit u traħħis fil-prezz tal-fuel. Huwa qal li dawn il-flus se jkomplu jixprunaw l-ekonomija Maltija biex tkompli tikber kif ġara fl-aħħar kwart tas-sena li għaddiet fejn żied jgħid li, “dan it-tkabbir huwa frott tal-għaqal tal-Gvern u l-ħidma ta’ kull ħaddiem. Huwa important li r-rittmu li qbadna nibqgħu nsostnuh biex bil-ġid iġġenerat inkomplu nwieżnu dawk l-aktar li huma vulnerabbli u li huma fil-bżonn”.

Josef Bugeja temm jgħid li fuq livell nazzjonali l-Gvern ukoll qiegħed jibgħat sinjali ta’ kunfidenza fl-ekonomija Maltija u tbassir ta’ tkabbir ekonomiku għal din is-sena.

Ekonomija

Sport