Tmienja u disgħin fil-mija (98%) tal-Maltin sostnew illi l-Istati Membri tal-UE għandhom ikunu aktar magħqudin biex ikunu f’qagħda li jindirizzaw l-isfidi globali ta’ bħalissa. Dan filwaqt li 91% tal-Maltin iddikjaraw li jaqblu li l-Unjoni Ewropea teħtieġ aktar mezzi biex tkun tista’ tindirizza dawn l-istess sfidi.
Dan jirriżulta minn studju tal-Ewrobarometru li sar bejn id-9 ta’ Jannar u l-4 ta’ Frar li għadda, fost 503 ċittadin Malti li għandhom 15-il sena jew aktar. F’dan l-istudju, 82% tal-Maltin qalu li fil-futur, l-irwol tal-Unjoni Ewropea – li tipproteġi liċ-ċittadini Ewropej kontra l-kriżijiet globali u r-riskji relatati mas-sigurtà – għandha tkun aktar importanti.
Mistoqsija liema huma dawk l-aspetti li l-Unjoni Ewropea għandha tiffoka l-aktar fuqhom biex issaħħaħ il-pożizzjoni tagħha fid-dinja, il-Maltin wieġbu l-valuri Ewropej inkluż id-demokrazija u l-protezzjoni tad-drittijiet umani, l-edukazzjoni u r-riċerka kif ukoll it-tibdil fil-klima u t-tnaqqis fl-emissjonijiet.
Dwar it-temi li jixtiequ jaraw aktar jiġu indirizzati bi prijorità fil-Parlament Ewropew, 46% tal-Maltin wieġbu l-inflazzjoni, iż-żieda fil-prezzijiet u l-ogħli tal-ħajja segwit minn aktar appoġġ għas-saħħa pubblika (35%) u l-migrazzjoni u l-ażil (29%).
Meta kienu mistoqsija dwar kif jaħsbu li se jkun il-livell tal-għajxien tagħhom fi żmien ħames snin, 33% tal-Maltin wieġbu li dan se jiżdied, 42% qalu li se jibqa’ l-istess u 22% qalu li se jonqos.
Sadanittant, 70% tal-Maltin qalu wkoll li jixtiequ jaraw il-Parlament Ewropew ikollu rwol aktar importanti. Min-naħa l-oħra, 81% wieġbu illi l-azzjonijiet li ħadet l-Unjoni Ewropea ħallew impatt fuq il-ħajja tagħhom.