L-Iskwadra Marittima tal-Forzi Armati ta’ Malta organizzat ċerimonja solenni ta’ tifkira f’ġieħ is-seba’ membri tal-Forzi Armati ta’ Malta u tal-Korp tal-Pulizija ta’ Malta li traġikament tilfu ħajjithom abbord il-P23, dak iż-żmien magħruf bħala C23, nhar il-Ġimgħa 7 ta’ Settembru 1984.
Il-Kommemorazzjoni saret fil-Bażi tal-Iskwadra Marittima f’Hay Wharf, il-Furjana, u bdiet b’Quddiesa Solenni konċelebrata mill-Kappillani tal-Forzi Armati ta’ Malta u tal-Korp tal-Pulizija ta’ Malta. Wara saret iċ-ċerimonja tat-tqegħid tal-kuruni u mument ta’ riflessjoni quddiem il-monument tal-P23.
Il-Forzi Armati ta’ Malta ssellem lill-kuraġġ, lis-servizz u lis-sagrifiċċju ta’ dawk li taw ħajjithom fil-qadi ta’ dmirhom.

