Il-miżuri mħabbra fil-Budget 2027 li jolqtu direttament lill-pensjonanti kienu fiċ-ċentru ta’ taħdita organizzata mill-Għaqda Pensjonanti tal-General Workers’ Union (GWU), li saret l-Erbgħa filgħodu, bil-parteċipazzjoni tas-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għall-Politika Soċjali u l-Familja, Mark Musù.
Matul it-taħdita, Musù ta ħarsa lejn il-miżuri ewlenin tal-Budget għas-sena d-dieħla, b’enfasi partikolari fuq l-inizjattiva ġdida li, mill-2027, se tippermetti t-trasferiment ta’ kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali bejn il-konjuġi, sabiex persuni li bħalissa mhumiex eliġibbli għal pensjoni jkunu jistgħu jikkwalifikaw għaliha.

Huwa spjega li permezz ta’ din il-miżura, madwar 3,200 mara se jkunu jistgħu jibdew jirċievu pensjoni għall-ewwel darba, hekk kif se jkun possibbli li konjuġi li jirċievi pensjoni jittrasferixxi parti mill-kontribuzzjonijiet tiegħu lill-konjuġi li ma jkollhiex pensjoni.
Musù spjega li jistgħu jiġu ttrasferiti sa 260 kontribuzzjoni, ekwivalenti għal ħames snin, sabiex il-persuna tkun tista’ tilħaq il-minimu ta’ għaxar snin ta’ kontribuzzjonijiet meħtieġa biex tikkwalifika għal pensjoni.
Fost il-miżuri l-oħra li semma, is-Segretarju Permanenti rrefera għaż-żieda ta’ €10 fil-ġimgħa għall-pensjonanti minn Jannar 2027, li tinkludi wkoll l-aġġustament għall-għoli tal-ħajja (COLA).

Huwa spjega wkoll li aktar minn 7,000 persuna armla se jibbenefikaw mill-pensjoni sħiħa taż-żewġ terzi, bħala parti mill-miżuri maħsuba biex isaħħu d-dħul u l-protezzjoni soċjali tal-pensjonanti.
Fi tmiem it-taħdita, Mark Musù wieġeb għal diversi mistoqsijiet li sarulu mill-membri preżenti, filwaqt li ta aktar spjegazzjonijiet dwar l-implimentazzjoni tal-miżuri u l-benefiċċji li se jġibu magħhom.
Din l-attività kienet opportunità għall-anzjani preżenti biex jiksbu aktar informazzjoni dwar il-miżuri tal-Budget 2027 u kif dawn jistgħu jolqtuhom direttament.
