Il-Prim Ministru Robert Abela inawgura investiment ta’ €10 miljun mill-kumpanija GiMAS Malta Heavy Industries Ltd f’Ħal Far, li permezz tiegħu pajjiżna qed jidħol f’niċċa ekonomika ġdida marbuta mal-produzzjoni ta’ komponenti industrijali avvanzati għall-enerġija sostenibbli.
Il-faċilità l-ġdida, mifruxa fuq 8,400 metru kwadru, se timpjega inizjalment ftit aktar minn 40 ħaddiem, b’dan in-numru mistenni jiżdied għal 60 fil-ħames sena tal-operat. Dan l-investiment, l-ewwel wieħed tat-tip tiegħu mill-kumpanija Torka fl-Unjoni Ewropea, se joħloq opportunitajiet ġodda ta’ green jobs, fosthom għal tekniċi speċjalizzati, welders u inġiniera.
Fid-diskors tiegħu, il-Prim Ministru Robert Abela sostna li dan l-investiment huwa xhieda tal-istabbiltà ekonomika li pajjiżna qed ikompli joffri lill-investituri minkejja l-isfidi internazzjonali. “Malta ma għandhiex immunità minn dak li qed jiġri u huwa għalhekk li teħtieġ tmexxija soda u b’saħħitha u dan huwa li qed noffru,” qal il-Prim Ministru.

Huwa spjega li dan l-investiment jimmarka pass ieħor fit-twettiq tal-viżjoni ekonomika tal-Gvern, ibbażata fuq il-kwalità, is-sostenibbiltà u l-ħolqien ta’ opportunitajiet ta’ xogħol li jirrendu pagi aħjar. F’dan il-kuntest, Dr Abela enfasizza l-importanza li Malta tkompli tattira investimenti fl-ekonomija l-ħadra, li mhux biss jikkontribwixxu għat-tranżizzjoni lejn enerġija aktar nadifa, iżda joħolqu wkoll green jobs ta’ kwalità għall-ħaddiema Maltin u Għawdxin.
“Dan l-investiment maġġuri fil-manifattura qed jirrinforza lil Malta bħala pajjiż attraenti għall-investiment fil-qasam tal-manifattura industrijali avvanzata u għall-investiment dirett barrani. Hawnhekk qed naraw it-twelid ta’ settur ekonomiku kompletament ġdid għal Malta li se jkun qed joħloq impjiegi sostenibbli u li jrendu pagi għolja, minn dawk fil-mekkanika għal impjiegi bħal welders u inġiniera,” sostna Dr Abela.
Il-Prim Ministru għamel referenza wkoll għall-Budget 2027, li kompla jagħti ċertezza lill-familji u lin-negozji permezz taż-żamma tas-sussidji fuq l-enerġija, flimkien ma’ investiment kontinwu fl-infrastruttura, fl-edukazzjoni u fis-servizzi essenzjali.
“Dan il-jum huwa importanti għaliex dan huwa eżempju ħaj ta’ investiment li minflok iħaddem mijiet ta’ ħaddiema b’livell baxx ta’ ħiliet, se jħaddem għexieren ta’ ħaddiema b’livell għoli ta’ ħiliet,” qal il-Prim Ministru, filwaqt li enfasizza l-bidla lejn mudell ekonomiku li jagħti prijorità lill-kwalità.
Dr Abela ħabbar ukoll li għaddejjin diskussjonijiet mal-Ministeru responsabbli mill-Edukazzjoni biex jerġgħu jiġu introdotti skejjel vokazzjonali u tekniċi minn etajiet iżgħar. Dan bil-għan li l-istudenti Maltin u Għawdxin jingħataw aktar opportunitajiet ta’ taħriġ u alternattivi għall-edukazzjoni akkademika, filwaqt li jiġu mħejjija għall-impjiegi tal-futur, inklużi dawk fl-industriji ħodor u fit-teknoloġiji tal-enerġija sostenibbli.
Il-Prim Ministru rringrazzja lill-investituri ta’ GiMAS għall-fiduċja tagħhom f’Malta, kif ukoll lill-Malta Enterprise u lill-INDIS għall-ħidma tagħhom biex dan il-proġett seta’ jitwettaq. Huwa esprima l-konvinzjoni li dan l-investiment jista’ jattira kumpaniji oħra fil-katina tal-provvista tal-enerġija rinnovabbli, u b’hekk jinħolqu aktar opportunitajiet ta’ green jobs f’pajjiżna.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Ekonomija, it-Teknoloġija u Proġetti Strateġiċi Silvio Schembri sostna li investimenti bħal dawn huma r-riżultat ta’ ħidma diretta u mmirata mal-investituri internazzjonali. Huwa spjega kif il-Malta Enterprise adottat strateġija ġdida biex tattira investiment dirett barrani ta’ dan it-tip, permezz ta’ taqsima speċjalizzata li tidentifika kumpaniji b’potenzjal li jistabbilixxu l-operat tagħhom f’Malta. Il-Ministru Schembri qal li dan l-approċċ diġà ta r-riżultati fil-każ ta’ GiMAS u Vantive, u se jkompli jintuża f’laqgħat ma’ kapijiet eżekuttivi ta’ kumpaniji internazzjonali fir-Renju Unit f’Diċembru li ġej.
