Sunday, December 22, 2024

Aktar investiment fil-komunità permezz tal-Aġenzija LESA

Aqra wkoll

Kompla l-investiment fil-komunitajiet permezz tal-iskema tal-aġenzija LESA fejn bi sħab ma’ diversi kunsilli lokali jitwettqu proġetti diversi fil-komunità.

Il-Kunsill Lokali tal-Qrendi bbenefika minn €80,000 sabiex sitt sqaqien tipiċi rurali jingħataw pavimentar ġdid. Il-fondi fl-iskema “Proġetti fil-Komunità” huma amministrati mill-aġenzija LESA li tkopri 80% tal-ispiża tal-proġett li jitressaq mill-kunsill lokali rispettiv. Il-fond tal-LESA huwa ffinanzjat mit-taħrikiet, li qed ikunu investiti lura fil-komunità.

Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri żar xi wħud mis-sqaqien li ġew pavimentati mill-ġdid fil-qalba tar-raħal tal-Qrendi fejn f’laqgħa mas-Sindku David Schembri ngħata tagħrif dwar l-użu tal-iskema għal proġetti oħra ppjanati mill-kunsill lokali tal-lokalità.

Il-ministru wera s-sodisfazzjoni tiegħu li l-fondi tal-LESA qed jintużaw, fost l-oħrajn, biex isebbħu u joħorġu aktar il-karatteristiċi tal-Qrendi. “Bħala gvern aħna kommessi li nibqgħu ninvestu aktar fil-komunitajiet tagħna”.

Preżenti kien hemm ukoll il-Kap Eżekuttiv tal-LESA Svetlick Flores.

Fl-aħħar tlett snin il-LESA ffinanzjat sittin proġett imressqa mill-kunsilli lokali f’Malta u Għawdex li jammontaw għal tliet miljuni u ħamsin elf ewro.

Ekonomija

Sport