Friday, May 3, 2024

Aktar liċenzji lill-assoċjazzjonijiet tal-kannabis fil-ġimgħat li ġejjin

Aqra wkoll

“F’Malta għandna l-ewwel żewġ assoċjazzjonijiet li għandhom liċenzja in-principle … se jkollna numru ta’ assoċjazzjonijiet oħra dalwaqt li jkollhom din il-liċenzja”.

Żvela dan is-Sur Leonid McKay, Chairman Eżekuttiv tal-Awtorità għall-Użu Responsabbli tal-Kannabis (ARUC), f’kummenti li ta lil dan is-sit rigward l-iżviluppi li seħħew minn mindu nħarġu l-applikazzjonijiet għat-twaqqif u l-liċenzjar ta’ assoċjazzjonijiet li jikkultivaw u jbigħu l-kannabis lill-membri adulti tagħhom fuq mudell li ma jħallilhomx profitt.

Is-Sur McKay kompla jgħid li: “f’Jannar tal-2023 tellajna l-ewwel konvenzjoni fejn iltqajna ma’ kull min kien interessat li jiftaħ assoċjazzjoni. Kellna numru sostanzjali ta’ persuni li sa mill-bidu nett urew interess”.

Huwa ddefinixxa t-terminu “licence in-principle” b’dan il-mod: “Il-pjan tat-tmexxija tagħhom bħala assoċjazzjonijiet – jiġifieri il-proċess kollu tal-operat from seed-to-distribution, il-pjan finanzjarju u operattiv, u min huma bħala persuni – huwa compliant mad-direttivi u l-liġijiet tagħna”.

Pajjiżi oħra qed jiddakkru minna għaliex il-mudell tagħna għandu s-saħħa tal-bniedem fiċ-ċentru tiegħu

Fl-aħħar jiem seħħew żviluppi dwar dan is-suġġett f’pajjiżi oħra, fosthom il-Ġermanja. Is-Sur McKay qal ma’ Talk.mt li kien qed isegwi dawn l-iżviluppi mill-qrib u osserva għadd ta’ similaritajiet bejn il-mudell adottat f’Malta u dak propost fil-Ġermanja permezz ta’ abbozz ta’ liġi mressaq fil-Parlament Ġermaniż.

Is-Sur McKay spjega li jeżistu toroq differenti biex tkun regolata l-kannabis: “Numru ta’ Stati fl-Amerika u l-Kanada raw li l-aħjar mod huwa li tillegalizzaha għas-suq … aħna nemmnu li l-kummerċjalizzazzjoni tmur kontra l-harm reduction approach li aħna tant nemmnu fiha,” argumenta McKay. Hawnhekk saħaq li aħna bħala pajjiż qed niffukaw fuq l-importanza tas-saħħa, u mhux fuq il-profitti u l-promozzjoni tal-kannabis. Żied jgħid li hija din ir-raġuni għalfejn pajjiżi oħra qed jiddakkru mill-mudell uniku li qed jitħaddem f’pajjiżna.

Il-Ġermanja ser taħdem fuq żewg pillars. S’issa nafu biss dwar wieħed minn dawn il-pillars u huwa simili ħafna għal tagħna. Fosthom hemm (i) it-twaqqif ta’ clubs/assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ – fil-Ġermanija hu rrappurtat li ser ikun hemm clubs tal-kannabis, l-ekwivalenti tal-assoċjazzjonijiet f’Malta, u (ii) l-ikkultivar tal-kannabis fid-djar għall-użu personali — f’Malta f’kull dar jistgħu jitkabbru sa erba’ pjanti għall-użu personali filwaqt li fil-Ġermanija huwa pprojbit li jitkabbru iktar minn tliet pjanti – f’Malta f’kull dar jistgħu jitkabbru sa erba’ pjanti għall-użu personali filwaqt li fil-Ġermanija huwa pprojbit li jitkabbru iktar minn tliet pjanti.

Differenza li ma tistax ma tiġix innutata hija dik li f’Malta adult ma jistax ikollu iktar minn 7 grammi ta’ kannabis fil-pussess tiegħu jew sa massimu ta’ 50 gramma ta’ kannabis imnixxfa fid-dar privata, filwaqt li fil-Ġermanja hu rrappurtat li l-abbozz jagħti lok li adult ikollu sa 25 gramma fil-pussess tiegħu. Għalhekk, is-Sur McKay osserva li għalkemm fil-prinċipju ż-żewġ pajjiżi qed jimxu kważi b’mod parallel, hawn ċerta diverġenzi minuri, fil-prattika, fil-passi li se tieħu l-Ġermanja. Meta tara s-similarità li teżisti bejn iż-żewġ mudelli, is-Sur McKay sostna “kien għalhekk li qed naraw dan l-iżvilupp bħala wieħed importanti ħafna. L-agħar ħaġa li tista’ tiġri li jkun hemm shift mis-suq illegali għal suq kummerċjalizzat f’kuntest ta’ free for all legalised market”.

F’Settembru li ġej Malta se tospita laqgħa dwar ir-regolarizzazzjoni tal-kannabis f’pajjiżi tal-Unjoni Ewropea li qed jikkunsidraw xi triq jew oħra ta’ regolarizzazzjoni

Fl-aħħar nett, huwa qalilna li f’Settembru li ġej, is-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg se tirrappreżenta lil pajjiżna f’laqgħa li se ssir Malta stess, u li għaliha ser jattendu rappreżentanti minn erba’ pajjiżi oħra – il-Lussemburgu, ir-Repubblika Ċeka, il-Ġermanja, u l-Olanda – sabiex jiddiskutu t-triq ‘il quddiem f’dak li hu regolarizzazzjoni tal-kannabis.

Sport