Wednesday, March 27, 2024

Aktar linji gwida għall-ftuħ tal-iskejjel

Aqra wkoll

Miżuri għall-Kinder, istituzzjonijiet post sekondarji u terzjarji se jiġu ppublikati fil-jiem li ġejjin

Minn Carmen Cachia

Bħalissa għaddej xogħol ta’ preparazzjoni għall-ħruġ tal-linji gwida għall-ftuħ mill-ġdid tal-Kinder, l-istituzzjonijiet post-sekondarji u dawk terzjarji. Dan tħabbar mill-Ministeru tal-Edukazzjoni fejn il-Ministru, Owen Bonnici, qal lil L-ORIZZONT li dan ix-xogħol jinsab fi stadju avvanzat ħafna u mistenni jiġi ppubblikat fil-jiem li gejjin.

“Kif kulħadd jaf, fl-aħħar ġimgħat sar ħafna xogħol importanti flimkien mal-Awtoritajiet tas-Saħħa Pubblika biex jitfasslu linji gwida dwar il-ftuħ mill-ġdid tal-iskejjel Primarji u Sekondarji.  Dawn ġew ippubblikati ftit sigħat biss wara t-tmiem ta’ laqgħa tal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa u l-Ministri kollha tal-Edukazzjoni u s-Saħħa fuq il-ftuħ mill-ġdid dwar dawn l-iskejjel,” spjega l-Ministru Bonnici.

Huwa qal li qabel ippubblikaw il-linji gwida, għamlu laqgħat ta’ konsultazzjoni mal-istakeholders ewlenin fejn ġie spjegat lilhom il-qofol tal-linji gwida li se jiġu ppubblikati mill-esperti teknici fil-kamp mediku u edukattiv.  Min-naħa tiegħu huwa qal li, “il-Gvern se jibqa’ jaħdem b’dan il-mod, kif wara kollox ħadem meta ġie biex jiftaħ iċ-childcare centres, Skolasajf u meta ġew organizzati l-eżamijiet tas-SEC u l-MATSEC”.

Il-Ministru Bonnici rringrazzja minn qalbu l-ħidma tal-esperti kollha tas-saħħa pubblika tax-xogħol tajjeb ħafna li huma wettqu.

Ekonomija

Sport