Monday, April 29, 2024

Flus taċ-ċitazzjonijiet investiti fil-lokalitajiet

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri u l-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali José Herrera lbieraħ kienu preżenti għall-inawgurazzjoni tal-istatwa ta’ San Ġorġ f’Ħal Qormi li ġiet restawrata. Dan il-proġett seta’ jsir permezz ta’ fondi mill-Aġenzija tal-Infurzar Lokali (LESA).

L-aġenzija tiddedika miljun ewro fis-sena biex mill-ħlas taċ-ċitazzjonijiet isiru proġetti fil-lokalitajiet. Dawn huma proġetti li jvarjaw minn dawk ambjentali, għal oħrajn infrastrutturali, edukattivi u ta’ restawr. B’investiment ta’ €32,000 il-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi wettaq restawr fuq statwa ta’ San Ġorġ, tisbiħ tal-pjazza u qed isiru wkoll xi sqaqien antiki.

Il-Ministru Bryon Camilleri spjega kemm huwa sabiħ li nagħtu lura lill-komunità dak li l-aġenzija tkun ħadet minn ksur ta’ liġi fl-istess lokalitajiet. “Meta wieħed jinforza jkun qed jipproteġi lis-soċjetà u lil min josserva l-liġi”, qal il-ministru li żied li inizjattivi bħal din tal-LESA huma l-ikbar sinjal li l-Gvern huwa interessat fl-edukazzjoni.

“Huwa ta’ pjaċir li nara li l-flus tal-LESA li huma konnessi mal-gvern lokali intużaw għal skopijiet kulturali fi ħdan il-komunità ta’ Ħal Qormi. Fi żmien li ġej ser noħorġu l-viżjoni l-ġdida tagħna għall-gvernijiet lokali fejn fost il-pilastri importanti ser ikun hemm l-iskop kulturali”, sostna l-Ministru José Herrera.

Sport