Wednesday, April 24, 2024

Il-Pulizija tagħlaq żewġ stabbilimenti fil-Marsa minħabba irregolaritajiet b’rabta ma’ saħħa pubblika

Aqra wkoll

Il-Pulizija tad-Distrett tal-Belt Valletta flimkien mal-Pulizija mir-Rapid Intervention Unit u tat-Taqsima tal-Immigrazzjoni, assistiti minn ufficjali tad-Dipartament tas-Saħħa Pubblika, ilbieraħ filgħaxija għamlu spezzjoni f’żewġ stabbilimenti li jinsabu f’Xatt il-Mollijiet, fil-Marsa.  

Wara li saru l-ispezzjonijiet, fuq ordni tal-Pulizija, dawn iż-żewġ stabbilimenti ngħalqu minħabba diversi rregolaritajiet b’rabta ma’ saħħa pubblika. Il-persuni li jieħdu ħsieb dawn l-istabbilimenti kkoperaw mal-Pulizija. 

Waqt l-ispezzjoni li saret mill-Pulizija f’wieħed mill-ħwienet, irrizulta li sid il-ħanut ma kellux l-liċenzja neċessarja sabiex joperah bħala post li jbiegħ l-ikel. Persuna oħra li kienet qiegħda taħdem fl-imsemmi stabbiliment ma kelliex liċenzja valida biex taħdem u għaldaqstant se jinħarġu l-akkużi fil-konfront tagħha. 

Minn naħa tagħhom, l-uffiċjali tad-Dipartament tas-Saħħa Pubblika nnutaw diversi irregolaritajiet, inkluz nuqqas ta’ iġjene u temperatura ħażina fil-freezers fejn jinżamm l-ikel. Il-freeżers ġew issiġġilati mill-uffiċjali tad-Dipartament tas-Saħħa Pubblika.  

Sid il-ħanut ġie ordnat mill-Pulizija biex immedjatament jagħlaq il-ħanut u ġie infurmat li se jinħargu akkużi fil-konfront tiegħu fil-Qorti. 

Waqt l-ispezzjoni li saret mill-Pulizija fil-ħanut l-ieħor, instab li l-post kellu l-liċenzji kollha validi sabiex jopera, iżda l-uffiċjali tas-Saħħa Pubblika nnutaw nuqqas ta’ iġjene, bil-pulizija tordna l-għeluq tal-ħanut. Il-persuna li tieħu ħsieb il-ħanut ġie infurmat li se jinħarġu l-akkuzi relatati fil-konfront tiegħu.   

Fuq barra tal-ħanut il-Pulizija sabet raġel qed isajjar b’nuqqas kbir ta’ iġjene, bl-uffiċjali tas-Saħħa Pubblika jinfurmawh li ser jinħargu wkoll akkuzi kontrih. 

Waqt dawn l-ispezzjonijiet, il-Pulizija vverifikaw d-dokumenti li kellhom fuqhom numru ta’ persuni li kienu fuq barra tal-istabbilimenti.  

Ritratti : Uffiċċju tal-Komunikazzjoni, il-Korp tal-Pulizija ta’ Malta

Sport